B’risposta għall-kummenti ta’ Simon Busuttil dwar il-proposti tal-Gvern fl-inkjesti maġisterjali, id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis sfida lill-eks Kap Nazzjonalista biex isemmi mqar sentenza waħda mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fejn taqbel mal-argumenti li ġab hu fl-opinjoni tiegħu ppubblikata t-Tlieta fit-Times.
Dan meta Busuttil allega li r-riforma proposta mill-Gvern u dibattuta fil-Parlament mit-Tlieta, se tnaqqas b’mod drastiku s-saltna tad-dritt f’Malta.
Kien hawn li Dr Zammit Lewis irrefera b’ironija għal Busuttil bħala “l-espert”, waqt li fakkar li fil-każ tal-Qorti Ewropea li l-għaqda Repubblika kienet fetħet kontra Malta u spiċċat tilfitu li jsemmi fl-artiklu tiegħu, dakinhar kien ġie stabbilit li r-riforma tal-ġudikatura fl-2016, li suppost twettqet minn Gvernijiet preċedenti Nazzjonalisti, kienet tajba u konformi mal-valuri tal-Unjoni Ewropea.
Fi tmiem il-ġimgħa, l-istess Zammit Lewis ukoll ikkummenta fuq il-fatt li l-eks Deputat Prim Ministru Tonio Borg attakka l-proposta mressqa mill-Gvern fejn fakkru kif kien hu stess li ddikjara fil-Parlament, lura fil-11 ta’ Lulju tal-2006, li abbuż minn din t-tip ta’ proċedura jista’ jwassal għal suwiċidji tal-vittmi.
Dan waqt li fakkru kif, bħala Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern dak iż-żmien, Tonio Borg ukoll kien ħalla l-qasam jiddegrada, anke jekk dak iż-żmien, mill-istess Gvern Nazzjonalista, Dr Franco Debono kien jitkellem ħafna dwar ir-riformi importanti li għandhom jitwettqu, iżda, minflok, injorawh u ppersegwitawh kemm setgħu.