Għall-proposti konkreti li ressaq il-Gvern fil-Malta Labour Migration Policy, il-Partit Nazzjonalista wieġeb biss bi ftit kummenti li ma kienu jinkludu ebda proposta konkreta. Dan ħareġ minn stqarrija tal-Partit Laburista, fejn intqal li l-fuljett ippreżentat mill-Partit Nazzjonalista wkoll ħawwad fin-numri.
Il-Partit Laburista nnota li, minn tweġiba Parlamentari, ħareġ li s-sena l-oħra stabbilizza n-numru ta’ permessi ta’ residenzi ta’ persuni barranin, kemm dawk ġejjin mill-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk li mhumiex.
Filwaqt li s-sena l-oħra kien hemm madwar 33,000 permess ġdid, kien hemm aktar minn 28,000 permess li ma ġġeddux. Bil-Partit Nazzjonalista ħa żball fuq aktar minn 30,000 persuna.
Il-Partit Laburista qal li, b’hekk, il-Partit Nazzjonalista ma jistax jitkellem fuq mudell ekonomiku, għax anke fuq tabella waħda gerfex. Intqal li l-Partit Nazzjonalista kien attent li ma jippronunzjax ruħu fid-dokument biex iżomm sieq naħa u sieq oħra.
L-ewwel, il-Partit Nazzjonalista qal li hawn ħaddiema barranin aktar milli hemm bżonn, imbagħad talab lill-Gvern jgħid f’liema setturi hemm żieda jew nuqqas ta’ ħaddiema.
Il-Partit Laburista nnota li l-Partit Nazzjonalista falla għal darb’oħra milli jsemmi settur wieħed li fih mhux se jippermettu aktar ħaddiema barranin.
“Min jadotta din it-tip ta’ politika populista ma jistax ikun kredibbli. Min lanqas hu kapaċi jinterpreta statistika sempliċi ma jistax jitqies bħala gvern alternattiv”, tenna l-Partit Laburista.
Intqal li Gvern Laburista jibqa’ l-unika forza politika li toffri s-soluzzjonijiet.