L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil ingħata spazju qawwi fuq it-Times biex joħroġ jattakka r-riforma fl-inkjesta maġisterjali, proprju fl-istess jum li tressqet mill-Gvern għad-diskussjoni fil-Parlament.
Opinjoni fuq l-aħħar faċċata minn Busuttil u rapport fuq l-ewwel faċċata tal-gazzetta ġew deskritti minn sorsi fil-Partit Nazzjonalista stess bħala tentattiv ta’ disprament mill-fergħa estremista tal-establishment kontra r-riformi li, fost l-oħrajn, se taqta’ l-abbużi mis-sistema kif instab li kien qed jagħmel fl-aħħar żmien l-avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi.
Fl-opinjoni tiegħu t-Tlieta, Busuttil qal li din il-liġi mressqa mill-Gvern hi kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea. B’Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista qed jipprovaw jiggranfaw ma’ prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’kawża li l-għaqda Repubblika fetħet kontra l-Prim Ministru u li spiċċat tilfet.
Dan hu l-istess kliem li uża l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Karol Aquilina, ukoll parti mill-istess fergħa estremista, waqt dibattitu fuq ix-xandir nazzjonali mal-Ministru Jonathan Attard ftit wara li tħabbret ir-riforma.
“Din hi liġi irresponsabbli, din hi liġi perikoluża u din hi liġi li, ngħid jien, hi illegali wkoll.”
Id-deputat tal-PN, Karol Aquilina
B’mod skjett, il-Ministru Attard kien qal li dan mhux minnu, hekk kif id-dritt ta’ ftuħ ta’ inkjesta minn ċittadin privat saħansitra lanqas jeżisti fl-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil ukoll kompla bl-attakki tal-establishment kontra l-istituzzjonijiet, fejn fil-mira reġa’ kien hemm, b’mod partikolari, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg.
Dan it-tentattiv ieħor mill-estremisti biex jattakkaw din ir-riforma wkoll wasal wara li l-Avukat Edward Debono, li jirrappreżenta lill-Kap Nazzjonalista, ilmenta fuq il-midja Nazzjonalista li, issa b’din ir-riforma, inkjesta ma tistax tinfetaħ iżjed fuq sempliċi għajdut li jingħad f’xi każin.
L-opinjoni ta’ Busuttil fuq it-Times ma kienx l-uniku intervent tiegħu fl-aħħar ġimgħat, hekk kif ix-xahar li għadda wkoll indirizza attività tal-għaqda Repubblika fil-Belt Valletta u iżjed riċenti ġie intervistat fuq il-podcast ma’ Karl Bonaci.
L-istess sorsi mid-Dar Ċentrali reġgħu nsistew ma’ ONE News, li ħafna mhuma kuntenti xejn bir-ritorn tal-eks Kap Nazzjonalista, mhux l-inqas dawk tal-fazzjoni ta’ Adrian Delia.