Christ Gatt, żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Imtarfa, tilef ħajtu traġikament f’aċċident fatali t-Tnejn filgħaxija ħdejn il-mini ta’ Ħal Kirkop, fl-akkwati tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-aċċident seħħ għall-ħabta tad-9:15 ta’ bil-lejl u, mill-ewwel investigazzjonijiet li saru, irriżulta li l-vittma kien qiegħed isuq BMW, meta tilef il-kontroll bil-konsegwenza li ħabat mal-barrier tas-central strip u spiċċa fi struttura tal-konkos fuq il-karreġġjata opposta.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/11084031/PR_75_-251-1-1024x768.jpeg)
Miegħu fil-karozza kien hemm żagħżugħ ieħor ta’ 23 sena mill-Imtarfa wkoll, li ddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura. Dan, iżda, kien f’qagħda stabbli u ma kienx jeħtieġ interventi kbar.
Fi żvilupp ġdid, ONE News hu informat li jeżisti wkoll filmat li jindika li, fil-ħin tal-aċċident, il-vettura kien qed ittellaq ma’ żewġ vetturi oħrajn. Nifhmu wkoll li l-persuni fil-vetturi involuti kienu jafu sew lil xulxin.
Nifhmu wkoll li l-persuni fil-vetturi involuti kienu jafu sew lil xulxin. Jirriżulta li dawk li kienu fil-vetturi l-oħrajn waqfu biex jassistu u anke ċemplu huma għall-għajnuna fuq in-numru 112.
Kienu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li taw l-ewwel għajnuna fuq il-post, wara li t-telefonata għall-għajnuna kienet tindika li kien hemm xi persuni maqbudin f’karozza.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/11084027/PR_75_-252-1-1024x768.jpg)
Fuq il-post waslu wkoll ħaddiema tal-Emerġenza, li sfortunatament iċċertifikaw lill-vittma mejjet fuq il-post.
B’rabta ma’ dan l-aċċident, ġie informat il-Maġistrat Joe Mifsud, li ħatar inkjesta u l-esperti Dr Mario Buttigieg, il-Perit Robert Musumeci u l-espert mediku Edward Cherubino biex jassistuh. Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizjia b’rabta ma’ dan l-aċċident għadhom għaddejjin.
Sadanittant, fuq il-midja soċjali, bosta persuni sellmu l-memorja taż-żagħżugħ, Chris Gatt, fosthom it-tfajla tiegħu, Rebecca.
Il-Viċi Sindku tal-Imtarfa, Len Abela Vassallo, mhux biss sellem il-memorja tiegħu f’isem ir-residenti tal-lokal, imma wkoll bħala ħabib kbir tiegħu personali li trabbew u kibru flimkien.
Dan kien ir-raba’ aċċident fatali fit-toroq għal din is-sena, bil-vittmi kollha kellhom inqas minn 36 sena.