F’konfront mill-qiegħ tal-klassifika, wara żewġ telfiet konsekuttivi, Balzan irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 3-0, proprju fid-debutt ta’ Andrew Cohen bħala kowċ. Min-naħa l-oħra, din kienet is-sitt telfa konsekuttiva għal Naxxar fil-kampjonat, biex b’hekk kompliet tixgħel il-bozza l-ħamra għalihom.
Kienet rebħa meritata għal Balzan bl-iskor li seta’ kien ikbar favurihom li kieku kienu iktar preċiżi fl-attakk, fejn min-naħa l-oħra dehret evidenti in-nuqqas ta’ dinamiċitá fit-tim ta’ Naxxar. Għal dawn tal-aħħar iddebutta l-player Jean Paul Farrugia wara li ngħaqad magħhom fil-jiem li għaddew fejn daħal jilgħab fil-ftuħ tat-tieni taqsima minflok Edward Orlando Bolanos.
Kienu Naxxar li ħolqu l-ewwel periklu fit-18-il minuta meta Edward Orlando Angulo Bolanos kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali jintemm ftit barra.
Iżda kienu Balzan li fetħu l-iskor żewġ minuti biss wara meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner ALEXANDER AYO AKPAN permezz ta’ daqqa ta’ ras b’lura tefa’ ġewwa għall-vantaġġ bikri Balzani.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-25 minuta Isaac Westendorf ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper ta’ Naxxar Matthias Debono iżda ra lil dan tal-aħħar isalva parzjalment, b’difensur ta’ Naxxar jikklerja l-ballun f’corner.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut ta’ Balzan u fil-31 minuta, Jan Busuttil, kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat tajjeb minn mal-art minn Debono.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Balzan komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fit-52 minuta Isaac Westendorf avvanza tajjeb u żmarkat kważi minn tarf il-kaxxa tefa’ inkredibbilment għoli, b’Naxxar jeħilsuha ħafif. Huma komplew jiddominaw għal kollox il-partita u fit-73 minuta rduppjaw l-iskor meta minn azzjoni ta’ cross, Debono ippanċja l-ballun li ntemm għand JAN BUSUTTIL li mill-viċin tefa’ ġewwa.
Balzan issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal fid-90 minuta meta LUKA LUKOVIC ixxamplat minn taħt il-lasta, tefa’ ġewwa.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Slobodan Petrovic
Plejer tal-Logħba: Alexander Ayo Akpan (Balzan FC)