Id-dell ta’ Paul Borg Olivier għadu problema mhux żgħira għall-PN biex jinstab Segretarju Ġenerali. Fuq il-problemi li ħalla warajh bħala Segretarju Ġenerali, kompliet tgerfex Rosette Thake, li fl-istamperija jqisuhom bħala kompetizzjoni minn kien l-agħar fosthom li serva f’din il-kariga li fiż-żmien kienet okkupata minn politiċi bħall-Avukati Joe Cassar, Louis Galea u Austin Gatt. Il-problemi li ħallew warajhom Borg Olivier u Thake, huma fatturi ewlenin li qed jinkwetaw lil Charles Bonello li huwa l-magħżul tal-establishment Nazzjonalista għal din il-kariga.
B’Charles Bonello bħala Segretarju Ġenerali jkunu laqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda. L-ewwel nett, il-fatt li huwa jista’ jkun manipulat min-nies ta’ GonziPN, għax kien parti minnhom u t-tieni nett għax il-paga tiegħu toħroġ mill-istat billi għadu Segretarju ta’ Lawrence Gonzi bħala eks Prim Ministru.
Minkejja l-pressjoni li qed issir fuqu, Bonello għadu ma qalx iva għax qed jikkunsidra diversi fatturi. Fuq kollox il-fatt li l-PN għandu ħafna dejn li ħadd ma jaf eżatt kemm hu ħlief li huma ħafna miljuni, il-fatt li huwa partit maqsum u diżorganizzat u li jkollu ħafna ndħil. Dawn il-fatturi qed ibeżżgħu lil Bonello skont sorsi qrib il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Jidher illi Bonello qiegħed jibża’ wkoll illi jibqa’ mfakkar bħala Segretarju Ġenerali li taħt l-organizzazzjoni tiegħu l-PN ikun tilef elezzjoni oħra. “Dawn huma kollha elementi li qiegħed jikkunsidra bħalissa, imma huwa (Bonello) tifel leali lejn Gonzi u lejn il-partit u allura jaf jaqa’ għall-pressjoni,” qalilna Deputat bil-patt illi ma nsemmux ismu għal raġunijiet ovvji.
Fi storja bit-titlu “Lura għal GonziPN,” dan il-ġurnal żvela illi Charles Bonello huwa l-għażla tal-establishment Nazzjonalista għal Segretarju Ġenerali. L-idea nibtet f’laqgħat li kienu qed isiru biex jinstab kandidat idoneu għal din il-kariga importanti għall-PN. Fil-laqgħa jingħad illi kellu jsir kuntatt mal-eks Kap u Prim Ministru Lawrence Gonzi biex javviċina lil Bonello, is-segretarju tiegħu, u li bħalissa huwa l-kordinatur tal-Kunsill Lokali Nazzjonalisti.
L-aħbar żvelata minn dan il-ġurnal kellha reazzjonijiet differenti fi ċrieki tal-partit. Jingħad illi Bonello huwa persuna rispettata ħafna, madankollu hemm il-biża’ illi jkun manipulat mill-istess klikka nies li qed jimmanipulaw lil Bernard Grech. Charles Bonello u Karol Aquilina kienu it-tnejn li huma fis-segretarjat ta’ Gonzi u allura, dawk li jiddejqu mill-fazzjoni estremista, qed jibżgħu illi Bonello jkun l-id il-leminija ta’ Aquilina. Bil-Kap diġà maħkum mill-istess klikka, kien hemm min kien qed jittama illi jinstab Segretarju Ġenerali “bil-boċċi biżżejjed” biex ikun jista’ jieqaf għall-assurditajiet li din il-klikka qed twaqqa’ fiha lill-PN.
Kandidati oħra li żvintaw
Fix-xhur li għaddew, kien hemm bosta deputati Nazzjonalisti li, għax qatgħu qalbhom, bdew jiddibuta jekk ser jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali tal-2027. Fost dawn kien hemm id-Deputati Ryan Callus u Ivan J. Bartolo. It-tnejn li huma kienu avviċinati biex jikkontestaw għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. Iżda għall-istess raġunijiet imsemmija ma aċċettawx u qalu li se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali. Għaldaqstant ma baqgħux eliġibbli. Bartolo kien xettiku mill-ewwel, billi kien qed jikkunsidra serjament li għat-tieni darba joħroġ mill-politika. Sħabu stess jgħidu li “mhux maqtugħ għall-politika.” Iżda fil-verità ftit għandhom politiċi bħalu li miegħu tista’ tagħmel dibattitu bla ma jaqa’ fl-oxxenitajiet tas-soltu.
Kien hemm ukoll kandidat żagħżugħ, Kunsillier minn Santa Luċija, ċertu Liam Sciberras, li għamel isem fil-lokalità tiegħu. Madankollu qed ikun skoraġġit milli jagħmel dan il-pass għax mhux meqjus bħala persuna ‘fdata’ mill-establishment. Id-dell ta’ Adrian Delia fuqu tebbgħetu għal għomru mal-fazzjoni li trid taħkem il-PN akkost ta’ kollox. Il-passat riċenti tiegħu fil-PN hija problema li se jibqa’ jġorr sakemm l-estremisti jibqgħu jikkontrollaw dak li jiġri fil-PN.
Pressjoni minn Mark Anthony Sammut
Sigriet magħruf fil-PN huwa li d-Deputat Nazzjonalista qed jagħmel pressjoni kbira biex il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali timtela minnufih. Huwa għandu interess illi Michael Piccicino ma jibqax Segretarju Ġenerali billi se jkun kandidat fuq ir-Raba’ Distrett Elettorali. Il-bażi tal-voti ta’ Sammut hija mill-Gudja, lokal żgħir waqt illi l-bażi elettorali ta’ Piccinino huwa Raħal Ġdid, fejn hemm ħafna iktar votanti.
Sammut għandu l-appoġġ ta’ GonziPN billi huwa magħruf għall-appoġġ li jagħti lill-klikka estremista Nazzjonalista. Piccinino huwa meqjus bħala Segretarju Ġenerali li setgħu jagħmlu bih li jridu, iżda l-fatt li ħiereġ għall-elezzjoni se jkun qed itellef lil wieħed minn tagħhom, u għalhekk illi fl-aħħar ġimgħat intensifikaw l-isforzi biex jinstab Segretarju Ġenerali ġdid.