Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ddefenda lill-avukat tal-Kap Nazzjonalista Edward Debono, filwaqt li skredita lill-eks deputat Nazzjonalista l-Avukat Franco Debono.
Meta kien qed jieħu sehem fl-ewwel programm ‘Id-Dibattitu’ fuq ONE mal-Ministru Jonathan Attard, Aquilina baqa’ jinsisti li ċ-ċittadini għandhom jibqgħu jiftħu inkjesti mingħajr il-ħtieġa ta’ provi.
“Mhux kif qed jgħid il-Ministru jew xi ħaddieħor li trid tmur bil-provi għand il-Maġistrat. Iċ-ċittadin privat mhux ir-rwol tiegħu li joqgħod iġib il-provi. Dak huwa r-rwol tal-Maġistrat li jikkonserva l-provi.”
Karol Aquilina – Deputat Nazzjonalista
Din kienet it-tweġiba ta’ Aquilina, meta ntalab jirreaġixxi għall-kummenti tal-Avukat Franco Debono li fil-jiem li għaddew esprima diżappunt għall-kummenti tal-Avukat tal-Kap Nazzjonalista Edward Debono, meta nsista li inkjesta għandha tibqa’ tinfetaħ fuq għajdut u bla ħtieġa ta’ provi. Dan akkost li jitkissru ħajjiet ta’ persuni onesti u jsir abbuż mill-għodod legali u l-proċessi ġudizzjarji.
Il-Ministru Attard qal li ma jistax jifhem kif Aquilina qed jispiċċa jiskredita lil avukati oħrajn biex jiddefendi lil sħabu.
“Nibqa’ skantat kif il-kelliem tal-ġustizzja tal-Oppoiżizzjoni jiskredita lill-avukati u professjonisti fis-settur li qed jitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ din ir-riforma. Imma jsemmi lil min jaqbel lilu biex jipprova jattakka din ir-riforma.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Mistoqsi dwar kif se jivvota l-Partit Nazzjonalista dwar din ir-riforma, ladarba se tkompli d-diskussjoni fl-istadji parlamentari li jmiss, Karol Aquilina wieġeb li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra. Huwa baqa’ jirrepeti għal darba, tnejn, tlieta li r-riforma m’hemmx bżonnha.
“Jiġifieri l-pożizzjoni meta se tiġu għall-vot se tivvutaw kontra? Iva aħna se nivvutaw kontra.”
Karol Aquilina – Deputat Nazzjonalista
Mistoqsi dwar il-gidba ta’ Jason Azzopardi fil-konfront tad-deputat Laburista Carmelo Abela, Karol Aquilina baqa’ ma għamel ebda apoloġija u ammetta biss li Abela rebaħ il-kawża ta’ libell kontra Azzopardi. Il-Ministru Attard minnufih irribattih u kixef l-ipokrezija ta’ Aquilina f’dan ir-rigward.
“Meta Carmelo Abela spiċċa vittma tal-gideb ta’ sieħbu Jason Azzopardi mar jiġri fuq Facebook u qallu biex jirtira l-libell. Qallu li l-Qorti se titwerwer u se tispiċċa twaqqa’ l-libell li ftaħt inti stess. Hekk qallu tliet snin ilu. Messu sema’ minnu Carmelo Abela.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Il-programm ‘Id-Dibattitu’, immexxi minn Manuel Micallef, jixxandar il-Ġimgħa fid-8.45pm fuq ONE.