Is-Sibt 8 ta’ Frar. Ġurnata xitwija, kkaratterizzata minn xita qliel, fl-isfond ta’ pajjiż li qed jibki t-telfa ta’ wieħed minn uliedu – il-Monsinjur Victor Grech.
“Mijiet ta’ persuni llum inġabru fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann u anke maġenbu sabiex jagħtu l-aħħar tislima lil Dun Victor Grech, il-fundatur ta’ Caritas Malta – anke xhieda tar-rispett li kien igawdi mill-poplu Malti kollu.”
REKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Dan wara li l-Erbgħa li għadda, Dun Victor ħalla din id-dinja fl-għomor ta’ 95 sena.
Mal-wasla tal-korteo funebri, Dun Victor ingħata tislima minn għadd ta’ residenti u eks residenti, kif ukoll ħaddiema ta’ Caritas Malta, filwaqt li ntlaqa’ fil-Kon Katidral b’ċapċipa twila.
Dan filwaqt li t-tenur Joseph Calleja kanta l-Ave Maria.
Din l-aħħar tislima ġiet ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna, fejn qal kif tul is-snin, Dun Victor dejjem ta ħajtu għal ħaddieħor, hekk kif ma kienx biss qassis iżda wkoll qaddej, li dejjem emmen fit-tama.
“Dun Victor, fis-saċerdozju tiegħu tgħallem ikun ragħaj, u qaddej. Ta ħajtu bħal ma jagħmel ir-ragħaj it-tajjeb – jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu.”
L-Arċisqof ta’ Malta Charles J.Scicluna
Preżenti għal din l-aħħar tislima kien hemm il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono u żewġha Anthony, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista u membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Din l-omelija ġiet fi tmiemha bil-frażi – “Inħobbuk. Grazzi Dun Victor.”
“Il-ħidma kollha tiegħu inkompluha, nsaħħuha, u l-kelma tiegħu ngħożżuha, u ngħixuha. Agħtih o’Mulej il-Mistrieħ ta’ dejjem… jistrieħ fis-sliem.”
L-Arċisqof ta’ Malta Charles J.Scicluna
Fil-Kon-Katidral, li kien ippakkjat bin-nies, il-persuni taw l-aħħar tislima xierqa lill-Monsinjur Grech.
“F’kull waqgħa hemm żerriegħa ta’ qawmien ġdid.” Din il-kwotazzjoni ta’ Dun Victor kienet ukoll fuq il-ktejjeb li ġie mqassam, xhieda ta’ kemm il-Monsinjur Bormliż kien iħobb u għen il-bniedem tul ħajtu.