Illum, is-Sibt 8 ta’ Frar, Malta se tagħti l-aħħar tislima lill-Monsinjur Victor Grech – il-fundatur ta’ Caritas Malta.
Għall-ħabta tad-9:15am, il-korteo funebri se jitlaq miċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas, fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Minn hemmhekk, il-korteo se jmur lejn il-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, fl-Ibraġġ.
Wara l-korteo funebri se jmur lejn il-Belt Valletta, fejn fost oħrajn se jgħaddi minn Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun, għal Triq Sant Anna l-Furjana, Pjazza Tritoni għal Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta.
Fl-10:30am se tingħata l-aħħar tislima lil Dun Victor Grech, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Din se tkun ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna.
Preżenti għal din l-aħħar tislima se jkun hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u l-Prim Ministru Robert Abela.
Dun Victor ħalla din id-dinja fl-għomor ta’ 95 sena nhar l-Erbgħa li għadda. Dan il-funeral ġie organizzat mill-Istat, b’kollaborazzjoni mal-qraba ta’ Dun Victor u Caritas Malta.
Sadanittant, l-istazzjon ONE se jxandar programm speċjali ppreżentant minn Antoinette Falzon, fejn se jkun hemm bosta mistiedna u kollegamenti diretti. Dan il-programm se jibda fid-8:50am.