Fi tmiem din il-ġimgħa, kważi 54,500 benefiċċjarju se jitħalsu aktar minn €26.6 miljun. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, li qal li dan il-pagament jinkludi żewġ benefiċċji mħabbra fil-baġit għal din is-sena.
Dawn huma benefiċċjarji huma dawk li ma jħallsux anqas minn għaxar snin ta’ kontribuzzjoni.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Mark Musù spjega li minn din is-sena, ir-rata tal-bonus hi marbuta mal-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li persuna tkun ħallset.
Ir-rati jvarjaw minn €550 għal min ħallas sena ta’ kontribuzzjonijiet għal €1,000 għal min ħallas sa disa’ snin. Iż-żieda se tvarja bejn €50 u €400.
Intqal li b’kollox aktar minn 13,200 anzjan, I-aktar nisa, qed jirċievu l-bonus, b’investiment li jlaħħaq aktar minn €10 miljun.
Musù spjega li dan il-bonus beda jingħata mill-2015 u s’issa rċevew bejniethom aktar minn €51 miljun.
It-tieni pagament se jolqot aktar minn 41,000 persuna li għandhom 75 sena u akbar, li jgħixu fi djarhom jew mal-qraba, kif ukoll lil dawk I-anzjani li jhallsu minn buthom biex jgħixu fi djar tal-kura privati. Dawn se jirċievu bejniethom €16.5 miljuni.
Aktar minn 18,500 anzjan li għandhom bejn il-75 u d-79 sena qed jirċievu €350 fis-sena, waqt li kważi 22,800 anzjan li għandhom 80 sena jew aktar se jirċievu €450 fis-sena.
Intqal li aktar minn 22,600 huma nisa, waqt li aktar minn 18,655 huma rġiel.
Il-Ministru Falzon qal li l-Gvern qed juri l-qalb soċjali tiegħu.
“F’dan l-istadju sa issa, qed nitkellmu effettivament l-ewwel ħames, sitt ġimgħat tas-sena, dan il-Ministeru diġa wettaq 53% tal-miżuri li kellu fil-baġit.”
Micahel Falzon, Ministru
Is-Segretarju Permanenti Musù semma żewġ skemi oħra, li se jiddaħlu fis-seħħ minn dan it-tmiem il-ġimgħa.
“Persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb anzjan li jiġu minnhom u li jkunu qed jieħdu l-allowances għal carers. Jekk ikunu qed iduru b’żewġ anzjani, per eżempju, ir-rata li ħa jibdew jitħallsu tkun ta’ darba u nofs ir-rata normali li ssoltu jitħallsu ssoltu u miżura oħra li qed nimplimentaw fil-każ tat-test tal-mezzi, li inti persuna jkollha l-kartuna r-roża, kull żieda li tkun qed tingħata fil-pensjoni, din ma tkunx ikkonsidrata fit-test tal-mezzi.”
Mark Musu, Segretarju Permanenti