Kienu madwar miljun, sitt mija u ħamsin elf persuna li, matul it-12-il xahar tal-elfejn erbgħa u għoxrin, żaru xi wieħed mill-mużewijiet jew siti ta’ Heritage Malta, inkluż dawk li huma uniċi fid-dinja kollha, bħat-Tempji tal-Ġgantija f’Għawdex.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-kultura, Dr Owen Bonnici, fil-Parlament fl-aħħar jiem.
Waqt li qabbel iċ-ċifra tal-2024 mas-sena preċedenti, il-Ministru tenna li kien hemm żieda ta’ madwar tliet mitt elf viżitatur. Dan sarraf ukoll biex id-dħul tal-aġenzija governattiva jiżdied għal għaxar miljun ewro.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/07125234/Screenshot-2025-02-07-at-12.50-1024x561.jpeg)
L-aktar sit popolari li ra viżitaturi kien il-maqdes preistoriku tal-Ġgantija fix-Xagħra, Għawdex, b’aktar minn mitejn u tnax-il elf persuna tul l-2024.
Minbarra hekk, il-Palazz tal-Gran Mastru fil-qalba tal-Belt Valletta, li mis-sena li għaddiet beda jgawdi minn xogħol estensiv ta’ restawr, ukoll kien fost l-aktar popolari, tant li żaruh aktar minn mija u tmenin elf persuna.
Dawn l-eluf ta’ viżitaturi, jinkludu wkoll dawk fostna, bħal studenti u anzjani, li qed igawdu mill-inizjattiva tal-Gvern għal aċċess b’xejn f’dawn is-siti. Il-miżura tal-“Passaport tal-Istudenti” u l-“Passaport tal-Anzjani”fl-aħħar snin saħansitra żiedet il-preżenza ta’ residenti lokali, apparti t-turisti li jkunu fostna.
Mit-tagħrif mogħti mill-Ministru Bonnici, jirriżulta li, bejn Jannar u Diċembru tas-sena li għaddiet, dawn l-iskemi waħedhom attiraw aktar minn ħamsin elf viżitatur bejn studenti u anzjani.
Ingħad li l-ħidma ta’ Heritage Malta mhux se tkun qed tieqaf ma’ dawn iċ-ċifri biss u, kif mistenni, din is-sena hemm ippjanat ferm iżjed investiment fil-mużewijiet u s-siti amministrati minnha.
Dan jinkludi wkoll ir-restawr ta’ €11-il miljun li għaddej fuq l-eks residenza tar-Reġina Eliżabetta II f’pajjiżna, jiġifieri Villa Gwardamanġa.