Pazjenti morda bil-kanċer jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi, mhux l-inqas fl-iskariġġ li jridu jżuru l-isptar anke diversi drabi fl-istess ġimgħa.
Għal dan il-għan, tnieda l-proġett ‘Oncology Outreach Service’, mill-Marigold Foundation u b’kollaborazzjoni mal-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo biex jiffaċilita ħajjet dawn il-pazjenti.
Il-programm komprensiv joffri firxa ta’ servizzi, li mhux bilfors isiru fl-isptar, biex b’hekk jappoġġja lill-pazjenti bil-kanċer u lill-familji tagħhom u se jkollu impatt pożittiv sinifikanti fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom, għax se jnaqqas il-piż tat-trattament tal-kanċer u jżid l-aċċess tal-pazjent għall-kura f’ambjent familjari.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/07121833/Screenshot-2025-02-07-at-12.15-1024x525.jpeg)
Dan it-tieni unit se jkun disponibbli aktar tard din is-sena bil-fondi miġburin fl-aħħar kampanja nazzjonali tal-Pink October-Movember is-sena l-oħra.
Dan tħabbar miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, li ħabbret li, b’hekk, is-servizz se jirdoppja billi tiġi pprovduta t-tieni vettura meħtieġa b’kordinament mad-Dipartiment tal-Onkoloġija. Hi tkellmet ukoll dwar is-sostenn taċ-ċittadini fil-kampanja tal-Pink October-Movember.
“Din kienet kampanja li tat ir-riżultat biex kemm jista’ jkun il-popolazzjoni tagħna, in-nies, jitgħallmu x’inhuma dawn is-sinjali, dawn is-sintomi, imma wkoll, permezz tal-ħafna fundraising li jsir minn ħafna nies u jinġabru bil-ftit il-ftit.”
Michelle Muscat, Chairpoerson, Marigold
Hi kompliet tispjega dwar is-servizzi u l-għan warajhom.
“Oncology in the community. Fejn inkunu qed nipprovdu dan il-unit, fejn it-tobba jkunu jistgħu forsi jaraw ċerti pazjenti li dawn jista’ jkollhom ċerta kura d-dar jew fuq il-post tax-xogħol, permezz ta’ dan il-unit ikun jista’ jingħata dan it-trattament u b’hekk intaffu s-sofferenza.”
Michelle Muscat, Chairpoerson, Marigold
Michelle Muscat żiedet kif dawn is-servizzi huma maħsubin biex jagħtu aktar dinjità lill-pazjenti.
“Dan is-servizz ikun jista’ jingħata it-trattament id-dar, fuq il-post tax-xogħol, dejjem skont il-każ, dejjem skont it-tabib u dak li t-tabib jaħseb li hu l-aħjar għall-pazjent. Bis-saħħa t’hekk qed nippruvaw nagħtu daqsxejn ta’ ħajja aħjar lill-pazjent.”
Michelle Muscat, Chairpoerson, Marigold
Id-Direttur ta’ Cancer Pathways, Dr Danica Marmara, u l-Clinical Chair tas-SAMOC, Dr Nick Refalo, iddeskrivew kif servizzi bħal dawn se joffru appoġġ ħolistiku lill-pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom.
Dawn is-servizzi se jilliberaw ukoll spazji tas-sodda u slots tal-ħin fl-Isptar tal-Onkoloġija u jipprovdu trattament lill-pazjent fil-kumdità mal-familja.
Immexxi u kkordinat mill-Marigold Foundation, il-kampanja Pink October-Movember Malta wkoll qassmet fondi fost NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam tal-kura tal-kanċer.