Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell ta’ Jason Azzopardi biex jiftaħ inkjesta kontra l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella.
Fil-fatt, fid-deċiżjoni tiegħu l-Imħallef Neville Camilleri kkonferma d-deċiżjoni mogħtija mill-Maġistrat Philip Galea Farrugia ftit tal-ġimgħat ilu, billi ċaħad it-talba tal-appell ta’ Azzopardi.
Dakinhar kien ġie nnutat li ma kienx hemm provi minn dak li tressaq minn Azzopardi biex ikunu sodisfatti l-kriterji biex issir inkjesta.
Dan kien ikkonfermah Azzopardi nnifsu permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali fejn qal li ma kellux garanzija li kull talba li jagħmel għall-inkjesti kienet se tintlaqa’.
Din it-talba għall-inkjesta kienet fost oħrajn li Azzopardi fetaħ fl-aħħar jiem tas-sena li għaddiet. Apparti din l-inkjesta li ġiet miċħuda kien hemm oħra li Azzopardi talab li tinfetaħ fil-konfront tal-Ministru Silvio Schembri.
L-abbuż sfaċċat ta’ din l-għodda tal-ġustizzja biex tħammeġ persuni innoċenti minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista, kien wieħed mir-raġunijiet ewlenin għaliex il-Gvern ħabbar ir-riforma fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali.
Riforma li l-Partit Nazzjonalista ħareġ kontriha bis-saħħa.
Fil-fatt, ir-riforma tindirizza dan l-abbuż li kompla joħroġ ċar fid-digriet b’rabta mat-talba għal inkjesta maġisterjali fil-konfront tal-Ministru Silvio Schembri. Digriet li jinnota l-grad ta’ prova li għandu jitressaq fil-konfront tal-persuna suġġetta għal investigazzjoni, u li r-riforma introdotta mill-Gvern se tkun qed tara li tinkorporahom f’liġi.