B’rabta mal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Malta Labour Migration Policy, l-Assoċjazzjoni tal-Operaturi tat-Trakkijiet u t-Trailers, l-ATTO, appellat għal tnaqqis fil-burokrazija fil-proċess tal-permessi tax-xogħol għal ċittadini minn pajjiżi terzi biex jiġi indirizzat in-nuqqas kritiku ta’ sewwieqa ta’ vetturi tqal li qed jaffettwa ħażin l-operazzjonijiet kummerċjali f’Malta.
Waqt li kkwotat minn stħarriġ globali li jisħaq li 36 pajjiż għandhom bżonn aktar minn tliet miljun sewwieq tat-trakkijiet, l-ATTO pproponiet mekkaniżmu speċjali għall-ħruġ ta’ permessi tax-xogħol għal sewwieqa minn pajjiżi terzi.
Iċ-Chairman tal-ATTO, Joseph Bugeja, tenna li n-nuqqas ta’ sewwieqa sar kwistjoni nazzjonali, minħabba li 80% tal-moviment tal-oġġetti f’Malta jiddependi mit-trasport fit-triq. B’hekk ħaddiema minn pajjiżi terzi jistgħu jgħinu biex it-trasport tal-merkanzija minn u lejn Malta jibqa’ għaddej mingħajr problemi.
Bugeja temm jgħid li jekk ma jittiħdux il-passi, din is-sitwazzjoni se tkompli tiggrava.