Il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard kien fost il-kelliema ewlenin waqt ‘Destination Europe Summit’, avveniment ta’ livell għoli organizzat minn Euronews u l-European Travel Commission. Dan is-Summit laqqa’ flimkien il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport u t-Turiżmu kif ukoll l-aktar atturi importanti fis-settur tat-turiżmu madwar l-Ewropa u lil hinn.
Matul l-intervent tiegħu, l-Ewroparlamentari Daniel Attard tkellem dwar il-ħtieġa ta’ “Unjoni għat-Turiżmu Ewropew”, viżjoni konkreta biex jiġu indirizzati l-isfidi u jintlaħqu l-miri komuni tas-settur, fosthom il-konnettività, il-qalba ambjentali u d-diġitalizzazzjoni.
Huwa saħaq li dan jista’ jsir permezz ta’ politika aktar koerenti u effettiva fil-livell Ewropew, bl-introduzzjoni ta’ fondi ddedikati esklussivament għat-turiżmu, kif ukoll billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal riżorsi u inizjattivi eżistenti.
“L-għan huwa li nnaqqsu l-burokrazija, nimmassimizzaw ir-riżorsi u naqsmu l-aqwa prattiċi favur turiżmu sostenibbli li jħares il-wirt kulturali, joffri karrieri ta’ kwalità u jtejjeb l-ħajja tal-komunitajiet affettwati.”
Ftit ġimgħat ilu, l-MPE Attard ġie maħtur fit-tmexxija tat-Task Force tat-Turiżmu tal-Parlament Ewropew, u s-sehem tiegħu f’dan is-Summit importanti huwa xhieda tal-progress u r-rikonoxximent miksub f’dan is-settur strateġiku li hu tant kruċjali għal Malta u Għawdex.