Naxxar Lions aċċertaw minn post fil-kwarti tal-finali tal-Meridianbet FA Trophy sa tmiem l-ewwel taqsima tal-konfront kontra Zurrieq meta kienu diġá bnew vantaġġ ta’ tliet goals, biex finalment ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-0.
Naxxar fetħu l-iskor fit-tmien minuta, permezz ta’ xutt sabiħ minn barra l-kaxxa ta’ MAICON DE SOUZA DA SILVA. Fit-12-il minuta, huma rduppjaw l-iskor meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner mil-lemin, BACARY SANE, permezz ta’ daqqa ta’ ras tefa’ ġewwa.
Fit-23 minuta, il-Lions għamluhom tlieta, reġa’ kien MAICON DE SOUZA DA SILVA li b’xutt fil-baxx għeleb għal kollox lill-goalkeeper ta’ Zurrieq, Natan Stone, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Fl-44 minuta, Naxxar tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw ir-raba’ goal meta Edward Bolanos Angulo wara li rċieva tajjeb mingħand Carliho Zamoranho spara’ inkredibbilment għoli.
Fis-47 minuta Naxxar issiġillaw ir-rebħa permezz tar-raba’ goal minn penakty wara li difensur ta’ Zurrieq deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa, biex mill-11-il metru inkariga ruħu HUGO DOS SANTOS COELHO li ma żbaljax.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Joseph Scerri