L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħarġet twissija dwar rota tat-tfal u żewġ settijiet tad-dawl li ma jilħqux l-istandards tas-sigurtà u għalhekk qed jitneħħew mis-suq.
Ir-rota mudell Stoy 12’ Navy Blue (Art. No. 813403) u d-dwal tat-tip Lighting chain (Art No: 23101-2 u Model Number: W-20-5) instabu li jistgħu jkunu ta’ periklu.
Waqt testijiet dwar is-sigurtà, instab li l-handlebar tar-rota jista’ jinkiser minħabba saħħa mekkanika baxxa, li jista’ jwassal għal telf ta’ kontroll u jpoġġi lit-tfal f’riskju ta’ korrimenti.
Min-naħa l-oħra, is-settijiet tad-dawl kienu meqjusin bħala perikolużi minħabba n-nuqqas ta’ insulazzjoni xierqa u s-saħħa mekkanika baxxa, fatturi li jistgħu jwasslu għal xokk elettriku.
L-MCCAA qed titlob lill-konsumaturi li xtraw dawn il-prodotti biex ma jużawhomx u jirritornawhom għand il-bejjiegħ, li, min-naħa tagħhom, huma obbligati li jipprovdu prodott alternattiv li jkun sigur jew, jekk dan mhux possibbli, jagħtu rifużjoni sħiħa lill-konsumaturi.
Aktar informazzjoni jew għal rapporti dwar prodotti suspettużi, il-konsumaturi jistgħu jikkuntattjaw lill-MCCAA fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt jew consumer.rights@mccaa.org.mt.