Keith Schembri ressaq rikors fil-Qorti biex jikkontesta l-għażla tal-esperti, li tqabbdu fl-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black, bl-argument ikun li mhux se jkollu smigħ xieraq fil-Qorti għax se jinkisrulu d-drittijiet tiegħu.
L-esperti konċernati, li wkoll tqabbdu għall-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar l-isptarijiet, huma l-kumpanija Harbinsons Forensics, li tinsab fi proċess ta’ likwidità, l-esperta Miroslava Milenovic, li nqabdet bla kwalifiċi biex tkun accountant forensiku u esperti oħrajn taħt il-kumpanija IA Limited.
Bir-riforma għall-ftuħ ta’ inkjesti maġisterjali qed jiġi propost li l-esperti mqabbdin iridu jkunu persuni fiżiċi u mhux kumpaniji, waqt li kemm-il darba l-ispiża taqbeż l-€50,000, irid jinġieb permess apposta mill-Prim Imħallef, li wkoll jikkonsulta mal-Avukat Ġenerali.
Ir-rikors miftuħ mill-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, f’isem Keith Schembri, jgħad kif l-esperti wkoll għamlu referenzi mill-istess inkjesta tal-isptarijiet, li għaliha waħedha kienu tħallsu s-somma ta’ €11-il miljun.
Dan l-iżvilupp seħħ l-għada li Keith Schembri kien fost seba’ persuni li tressqu l-Qorti b’rabta mal-bidu ta’ kawża xprunata mill-inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech.
Waqt li Schembri u s-sitta l-oħrajn, fosthom Konrad Mizzi u l-istess Fenech, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, l-Ispettur Brian Camilleri, li hu stazzjonat fl-FCID, qal li, mill-investigazzjonijiet estensivi li saru, irriżulta li ma saru l-ebda pagamenti lil xi membru Parlamentari jew uffiċjali pubbliċi jew kumpaniji marbutin magħhom.