Tħabbar it-tiġdid tal-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ b’investiment ta’ aktar minn €10 miljun minn fondi pubbliċi u oħrajn mill-Fond Soċjali Ewropew. Finanzjament li hu parti mill-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li kiseb pajjiżna fl-2020.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, intqal kif l-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ issa se tkun qed testendi għal żgħażagħ ta’ bejn il-15 u d-29 sena.
Dan ifisser li se jibbenefikaw aktar żgħażagħ hekk kif mill-iskema preċedenti gawdew dawk li kellhom sa 24 sena.
B’din l-iskema, żgħażagħ, li jkollhom bżonn jiksbu ħiliet u kwalifiċi biex ikunu lesti għad-dinja tax-xogħol, igawdu permezz ta’ taħriġ li jingħata b’kollaborazzjoni bejn Jobsplus u istituzzjonijiet edukattivi, fost oħrajn.
Fil-fatt, l-iskema preċedenti, li ħaddem il-Gvern, issarrfet f’6,000 żagħżugħ u żagħżugħa fejn kważi 90% minnhom kisbu l-kwalifiċi u l-ħiliet meħtieġa għad-dinja tax-xogħol.
Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru nnota kif it-tiġdid tal-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ hi miżura biex ħadd ma jaqa’ lura u kulħadd jilħaq il-potenzjal tiegħu.
Semma l-pjan tal-Gvern li jiftaħ l-Istitut għas-Snajja’ fi ħdan l-MCAST u l-fatt li pajjiżna kompla jagħmel passi sinifikanti fit-tnaqqis fir-rata ta’ persuni li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva.
Dr Abela nnota li l-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ tmur id f’id mal-Malta Labour Migration Policy bil-prinċipju tal-Maltin l-ewwel, fejn l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi jibqgħu jeħduhom iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
“Inħares li din l-iskema jerġa’ jkollha, anke bil-fatt li hi miftuħa aktar, suċċess saħansitra akbar biex nibqgħu niżguraw li ż-żgħażagħ tagħna jiġu mħarrġin u jkunu kapaċi jaħtfu l-aqwa opportunitajiet li qed tagħti l-ekonomija tagħna. Nemmen fit-talent taż-żgħażagħ tagħna. Iż-żgħażagħ tagħna jemmnu f’pajjiżhom u pajjiżhom qed jerġa’ jibgħatilhom messaġġ b’saħħtu li jemmen fl-abbiltajiet tagħhom.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri sostna li pajjiżna, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn Ewropej, għandu fost l-aħjar rati ta’ impjiegi u li dan hu suċċess li l-Gvern hu kburi bih, iżda tenna li, fl-istess ħin, jifhem li hemm ċirkostanzi fejn persuna taf tkun teħtieġ aktar għajnuna.
Hawnhekk sostna li hu l-obbligu tal-Gvern, dejjem kien u jibqa’ li, anke jekk ikun hemm biss persuna waħda, jintervjeni biex jgħinha timxi ’l quddiem.
Qabel il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru, flimkien mal-Ministru, iltaqa’ mal-ħaddiema tal-entità governattiva Jobsplus fejn ra aktar mill-qrib il-ħidma li ssir ta’ kuljum.
Takkumpanjahom kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus, Celia Falzon.