Kompliet il-konsultazzjoni pubblika mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, u x-Xogħol, Byron Camilleri, dwar il-Malta Labour Migration Policy, li tnediet għall-konsum pubbliku fl-aħħar jiem, din id-darba b’laqgħa mal-Partit Laburista.
Matul il-laqgħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fil-Ħamrun, il-Ministru Camilleri ta preżentazzjoni dettaljata dwar il-proposti tal-Gvern f’dan ir-rigward.
Hu silet il-punti ewlenin li joħorġu mit-32 rakkomandazzjoni, li jsawru d-dokument, waqt li spjega kif il-Gvern qed jipproponi li f’Malta għandhom jiġu biss ħaddiema minn pajjiżi terzi fis-setturi fejn huma meħtieġa u bil-ħiliet neċessarji għas-suq tax-xogħol lokali.
Fl-istess ħin sostna li għandhom jinqatgħu l-abbużi minn min ma jirrispettax id-drittijiet tal-ħaddiem.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay qal li jilqgħu din il-politika u se jkunu qed jagħtu l-kontribut bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
“Il-Partit stieden lid-delegati biex, flimkien mal-Ministru Byron Camilleri, niddiskutu t-32 rakkomandazzjoni li ħerġin mil-Labour Migration Policy. Policy li qed tara li, fl-aħħar mill-aħħar, tkun ta’ salvagwardja mhux biss għall-ħaddiema barranin, li qed jaħdmu f’pajjiżna, imma l-ħaddiema kollha li qegħdin fis-suq tax-xogħol lokali. Allura, bħala Partit Laburista, nilqgħu b’sodisfazzjon din il-politika u qegħdin anke nagħtu l-kontribut tagħna f’din il-konsultazzjoni flimkien.”
Leonid McKay, Kap Eżekuttiv tal-PL
Matul il-laqgħa ta’ konsultazzjoni saru għadd ta’ interventi, fosthom mill-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras.
Il-Ministru Camilleri esprima sodisfazzjon għall-kontribut, li qed jirċievu bħala Ministeru, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, li se jintemm il-Ħadd li ġej, 9 ta’ Frar.