Donald Trump iffirma ordni eżekuttiva li tipprevjeni atleti nisa trans milli jikkompetu fi sport femminili.
Dan sar sabiex nies li mat-twelid kienu ddikjarati bħala maskil ma jitħallewx jipparteċipaw f’ċerti avvenimenti sportivi nkluż dawk fl-iskejjel.
L-ordni, li ġġib l-isem “Keeping Men Out of Women’s Sports”, hija effettiva b’mod immedjat fi skejjel u assoċjazzjonijiet sportivi li m’għandhomx faċilità ta’ sport komuni jew changing rooms.
L-ordni tawtorizza lid-dipartiment tal-edukazzjoni sabiex jikkastiga skejjel li jħallu atleti trans jikkompetu u min ma jobdies l-ordni jista’ jitlef il-fondi federali.
Din waslet propju fil-jum iddedikat għan-nisa fl-isport u turi biċ-ċar il-politika tal-gvern federali u l-amministrazzjoni ta’ Trump rigward nies trans.
Eżatt qabel iffirma l-ordni Trump qal “Mil-lum ’l quddiem sport tan-nisa se jkun biss għan-nisa” … “Ġa neħħejna dan il-ġenn mill-militar u issa jmiss l-isport tan-nisa”.
Huwa rrefera wkoll għall-Olimpjadi u t-Tazza tad-Dinja li se jkunu ospitati mill-Istati Uniti u qal li ma kienx se jħalli atleti transgender jikkompetu.
Żied jgħid li l-amministrazzjoni ma kinitx lesta li f’Los Angeles 2028 tara irġiel jirbħu fuq atleti nisa. Qal ukoll li s-segretarju tas-siġurtà nazzjonali kien se jkun qed jirrifjuta applikazzjonijiet għall-visa minn irġiel li kienu se jippruvaw jidħlu fl-Istati Uniti b’qerq billi jidentifikaw ruħhom bħala atleti nisa sabiex jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet.
Iċċirkondat minn numru ta’ nisa u bniet waqt l-iffirmar, Trump iddikjara li l-gwerra fl-isport tan-nisa kienet mitmuma.
Minkejja li n-numru ta’ persuni trans fl-Istati Uniti mhumiex kbar, diġà kienu fil-mira ta’ Trump fi tliet ordnijiet eżekuttivi minn mindu ħa l-kariga.
Din hija l-aħħar minn sensiela ta’ ordnijiet eżekuttivi li kienu ffirmati minn Trump b’uħud minnhom jiġu mblokkati mill-Qorti.
Id-Direttur tal-politika federali f’Advocates for Trans Equality, Olivia Hunt qalet lill-istampa li din l-ordni ma kinitx titratta biss atleti f’livell agonistiku iżda kienet se taffetwa tfal żgħar u l-iżvilupp tagħhom fejn bażikament qed ngħidulhom li huma different, nitfawhom fil-ġenb u jiġu trattati diversament b’lok għall-abbuż.