Hamrun S. kellhom jitħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Zabbar SP bl-iskor strett ta’ 2-1 u għamlu dan tard fil-partita bil-goal tar-rebħa għalihom jasal permezz ta’ Mayron fit-88 minuta. B’hekk huma kisbu post fil-kwarti tal-finali tal-Meridianbet FA Trophy.
Ta’ nota huwa l-fatt li dawn iż-żewġ timjiet se jkunu qed jerġgħu jilatqgħu nhar il-Ħadd li ġej fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium f’Kordin, din id-darba f’logħba valida mill-Malta Premier.
Kienu Hamrun li kif mistenni ħarġu fuq l-offensiva u wara biss erba’ minuta daqqa ta’ ras sabiħa mill-viċin ta’ Emerson Marcelina ġiet salvata tajjeb mill-goalkeeper ta’ Zabbar,
Huma fetħu l-iskor fit-32 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, u fost nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża Zabbarija, EDERSON BRUNO DOMINGOS, mill-viċin, mattar siequ u tefa’ ġewwa.
Hamrun komplew jiddominaw u fit-43 minuta Kairou seraq ballun mingħand difensur ta’ Zabbar qabel kellu l-konklużjoni tiegħu mill-vċin tiġi salvata f’corner bi bravura mill-goalkeeper veteran ta’ Zabbar, Justin Haber.
Zabbar ġabu l-iskor indaqs fl-64 minuta meta minn azzjoni ta’ kontrattakk veloċi, Joao Pedro De Sa Mendosnca għadda tajjeb lejn is-sostitut DIOGO JOAO REGALA li kien ilu biss erba’ minuti fil-ground, mill-viċin u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa biex tefa’ doċċa kiesħa fuq il-Ħamruniżi.
Iżda kellhom ikunu Hamrun li li jiskorjaw il-goal tar-rebħa b’mod drammatiku fit-88 minuta meta wara li rċieva minn cross perfett, MAYRON, antċipa l-ħarġa ta’ Haber, u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa, biex b’hekk skorja l-ewwel goal tiegħu bil-flokk tal-Ispartans.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ezekiel Barbara