Gvern Laburista propona emendi b’saħħithom li permezz tagħhom se jiżdiedu l-pieni għal dawk li jattakkaw Pulizija jew Uffiċjal Pubbliku. Dawk l-emendi issa għaddew minn stadju ta’ kumitat parlamentari u se jsiru liġi b’vot fit-tielet qari biex pajjiżna ser ikollu l-iktar liġijiet b’saħħithom li qatt kellu kontra min jattakka Pulizija jew Uffiċjal pubbliku.
Għax il-Gvern propona dawn l-emendi mill-iktar b’saħħithom, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista, magħruf għal kif jiddiletta bil-politika tal-facebook, għamel proposti differenti, li l-esperti legali indipendenti mal-mejda tal-kumitat, mill-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, qalulu li ma jagħmlux sens anke fil-kuntest ta’ liġijiet oħra. Saħansitra tant il-parir tal-esperti dejqu li fil-kumitat kien ostili u arroganti fil-konfront tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jiftakar li mal-mejda tat-tfassil ta’ liġijiet hu meħtieġ li jkun hemm tfassil serju li mbagħad ma jispiċċax jiġi fix-xejn fil-Qorti.
Ikun aħjar li l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista jitkellmu wkoll bejniethom, għax emendi li saru mill-kelliem tal-Intern, Darren Carabott, imorru kontra l-ispirtu ta’ emendi oħra li fl-aħħar sigħat ivvotaw favurihom kollegi oħra tiegħu f’isem l-istess Partit Nazzjonalista.
Kien ikun faċli għall-Gvern li jaqa’ għal-logħba tal-populiżmu, iżda minflok għażel is-serjetà u għażel il-parir tal-esperti biex il-bidliet li jsiru jkunu tassew sodi u ta’ deterrent.
Għalhekk il-Gvern għażel li jipproni bidliet serji u li għandhom iservu ta’ deterrent.
L-emendi legali mressqa mill-Gvern u li issa jsiru liġi jgħidu li:
• Meta l-offiża hija ta’ inġurju, theddid jew offiża fuq il-persuna, il-multa minima ser tiżdied minn €800 għal €1,200. Il-multa massima ser tiżdied minn €5,000 għal €7,500.
• Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza jsir minn persuna jew minn żewġ persuni, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ sitt xhur għal minimu ta’ sena u minn massimu ta’ sentejn għal massimu ta’ erba’ snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €4,000 għal €6,000 u dik massima ser tiżdied minn €10,000 għal €15,000.
• Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza ssir minn tliet persuni jew aktar, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ disa’ xhur għal minimu ta’ sena u nofs u minn massimu ta’ tliet snin għal massimu ta’ sitt snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €5,000 għal €7,500 u dik massima ser tiżdied minn €15,000 għal €22,500.
• Meta fl-attakk jew ir-reżistenza tintuża arma, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ sena għal minimu ta’ sena u nofs u minn massimu ta’ erba’ snin għal massimu ta’ sitt snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €8,000 għal €12,000 u dik massima ser tiżdied minn €20,000 għal €30,000.
• Meta dawn l-offiżi, jinkludu vjolenza pubblika, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ sentejn għal minimu ta’ tliet snin u minn massimu ta’ ħames snin għal massimu ta’ seba’ snin filwaqt li ser nintroduċu wkoll il-multi, b’dik minima ser tkun ta’ €10,000 u dik massima ta’ €25,000.