Il-Monsinjur Victor Grech hu wieħed mill-arkitetti tal-politika soċjali ta’ pajjiżna. Hekk iddeskrivih il-President Emeritu George Abela, f’kumment lil ONE News, ftit wara li sar magħruf li l-fundatur tal-Caritas Malta kien ħalla din id-dinja fl-għomor ta’ 95 sena.
“Dan hu verament ikona fil-qasam soċjali, nista’ ngħid wieħed mill-arkitetti tal-politika soċjali ta’ pajjiżna. Ħafna nies jorbtuh lil Dun Victor mad-drogi, man-nies vulnerabbli, li jaqgħu fil-vizzju tas-sustanzi u l-kredu dejjem tiegħu, li kien jemmen ħafna fuqu li l-bniedem jekk jaqa’, dejjem jerġa’ jqum. Kellu jiġifieri dejjem jispirawh in-nies vulnerabbli, li taqa’ u terġa’ tqum, li hemm iċ-ċans għalik.”
George Abela, President EmerituREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Dr Abela, li ħadem għal snin twal ma’ Dun Victor fil-Caritas, qal li ltaqa’ miegħu meta hu kien jagħmel programm fuq ir-Redifussion u kien jaqra ittri li jirċievi, fosthom dwar sfidi li jesperjenzaw in-nies.
Fl-aħħar ta’ ħajtu, Dun Victor kellu xewqa li saret realtà.
“Dejjem kien jgħidli importanti, li forsi din xi ħaġa ġdida, li bħala Caritas għandu jkollna d-dar tagħna ’l barra mill-Kurja, għax il-Caritas tilqa’ fi ħdanha nies li forsi jżommu ’l bogħod millI jersqu ġewwa l-Kurja. Importanti li, fil-fatt, kellu somma sabiħa ta’ flus tul snin, li kien ġemma’ biex ikollna dak il-bini, il-Caritas Community Centre, binja tant sabiħa fil-Ħamrun.”
George Abela, President Emeritu
Dr Abela, meta kien President tar-Repubblika, fl-2013, ippremja lill-Monsinjur Grech bil-Premju Nazzjonali tal-Mertu.
Sadanittant, fi stqarrija, il-President attwali Myriam Spiteri Debono semmiet li l-Monsinjur Victor Grech iddedika ħajtu għall-ġlieda kontra d-droga, l-alkoħol, il-faqar u l-inġustizzji soċjali.
Fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Dun Victor Grech jibqa’ mfakkar bħala figura kostanti fil-ħidma soċjali qalb in-nies l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Anke l-Partit Laburista sellem il-memorja tal-Monsinjur u ta l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Caritas irringrazzjatu għall-imħabba kbira li żera’ fil-qlub tal-batut u l-aktar persuni vulnerabbli.