Proġett ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ mill-Gvern fil-qasam t’akkomodazzjoni soċjali f’Ta’ Giorni, fil-limiti ta’ San Ġiljan, se jibbenefika lil 66 familja li jgħixu fih.
Dan il-proġett b’investiment ta’ madwar €250,000, ikkonsista fit-tisbiħ tal-faċċati ta’ ħames blokok t’akkomodazzjoni soċjali, waqt li fi blokka minnhom sar rinnovar tal-bejt.
Waqt li żar il-post, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, spjega kif il-Gvern qed jinvesti f’dawn il-proġetti ta’ riġenerazzjoni f’oqsma ta’ akkomodazzjoni soċjali biex joffri lir-residenti ambjent isbaħ u livell ta’ ħajja ta’ kwalità ogħla.
Il-Ministru esprima s-sodisfazzjon li tali proġett qed jagħmel differenza fil-ħajja ta’ aktar familji f’pajjiżna.
“Hawnhekk ninsabu f’Ta’ Giorni fejn għandek qasam tad-djar importanti wkoll fil-qasam soċjali ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur bdejna wkoll proġett ieħor interessanti fejn nagħmlu rinnovazzjoni ta’ blokok eżistenti, fejn diġà lestejna madwar ħames blokok bi spiża ta’ madwar €250,000, biex b’hekk ir-residenti f’Ta’ Giorni wkoll qed jaraw bidla f’dan il-qasam tad-djar, qed jaraw titjib u finalment ukoll dan iwassal biex ikollhom aktar dinjità fl-għixien tagħhom marbut mat-titjib fl-akkomodazzjoni soċjali.”
Il-Ministru Rodrick Galdes