Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f’Birżebbuġa ħarġu stqarrija mimlija nuqqas ta’ onestà u argumenti populisti dwar il-pjanti ġodda tal-Enemalta għall-eks impjant tal-gass fil-Qajjenza.
Bħala tweġiba għall-istqarrija, il-partit Laburista stqarr li Din hija politika tal-gideb b’għan wieħed li jinstiga kontroversja bla bażi u jnaqqas mill-importanza ta’ deċiżjoni kuraġġuża fejn 83% tal-art li hija proprjetà tal-Enemalta fil-Qajjenza se tkun spazju pubbliku aċċessibbli għal kulħadd. Minn 13,560 metru kwadru li huma proprjetà tal-Enemalta, total ta’ 11,250 metru kwadru se jkunu spazji pubbliċi miftuħa.
Il-Kunsilliera tal-PN jirrappreżentaw il-Partit li meta kien fil-Gvern kien iħares lejn dan il-villaġġ bħala l-post għal xogħol industrijali. L-istess Partit li meta kienu fil-poter riedu jkomplu jieħdu aktar art fl-istess lokalità. Minflok, Gvern Laburista ta lir-residenti park ġdid tal-familja t’20,000 metru kwadru, b’estensjoni oħra ppjanata ta’ 7,000 metru kwadru flok park għall-containers u miżbla.
Ta’ min ifakkar ukoll li fil-pjanti l-ġodda hemm inklużjoni ta’ uffiċini ġodda għall-Kunsill Lokali u żoni ħodor ġodda, biex dawn ikunu jistgħu jintużaw għall-attivitajiet tal-komunità u parkeġġ.
L-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista hija ċara: neqsin mill-ideat, jipprova jgħawweġ il-verità u joħloq il-biża’ biex jirbaħ punti politiċi.