Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia tilfet żewġ kawżi separati fil-Qorti tal-Appell fil-konfront tal-Avukati Chris Cardona u Joseph Gerada.
Il-każi oriġinarjament imorru lura għall-2017 meta ż-żewġ avukati kienu fetħu libelli kontra l-istess Caruana Galizia wara sensiela ta’ allegazzjonijiet malafamanti li għamlet dwarhom fuq il-blog tagħha.
Ftit wara l-qtil ta’ Caruana Galizia f’Ottubru ta’ dik is-sena, il-libelli, li involvew ukoll mandati ta’ sekwestru, kienu twaqqgħu minn Cardona u Gerada b’rispett lejha u lejn qrabatha. Dan fl-istess żmien li r-raġel tagħha, Dr Peter Caruana Galizia, kien qed jinsisti li dawn kellhom jieqfu.
Minkejja dan, wara l-azzjoni minn jeddhom tal-avukati, il-familja Caruana Galizia rrikorriet b’kawżi għad-danni kontrihom fejn intalbu jħallsu eluf ta’ ewro kull wieħed.
Fl-appell kontra Dr Chris Cardona, il-Qorti, fid-deċiżjoni tagħha, qalet li qegħda tastjeni milli tieħu konjizzjoni ulterjuri tat-talbiet li għamlet il-familja Caruana Galizia u ddeċidiet li tikkonferma l-ewwel sentenza u tiddisponi mill-appell minħabba li l-mandat kawtelatorju inkwistjoni ma kienx għadu fis-seħħ.
Fl-appell, li fetaħ Dr Joseph Gerada wara li l-ewwel Qorti ddeċidiet kontrih, il-Qorti tal-Appelli tatu raġun u rrevokat d-deċiżjoni inizjali fl-intier tagħha, bir-raġuni tkun li l-proċedura, li rrikorriet għaliha l-familja Caruana Galizia, ma kinitx korretta u allura t-talbiet tagħhom qatt ma setgħu jintlaqgħu.