Tħabbret il-mewt tal-Monsinjur Victor Grech fl-età ta’ 95 sena, li kien il-fundatur tal-aġenzija Caritas u mexxa din l-aġenzija għal kważi erbgħin sena.
Il-Monsinjur Grech twieled f’Bormla fid-19 ta’ Ottubru tal-1929.
Huwa ggradwa fl-Arti u fit-Teoloġija mill-Università ta’ Malta.
Victor Grech kien ordnat saċerdot fl-1956 u għal għoxrin sena huwa kellu diversi rwoli fis-Seminarju, fosthom anki Rettur tas-Seminarju bejn l-1962 u l-1977.
F’dan il-perjodu, Dun Victor kien strumentali biex twaqqfet il-komunità tas-Saċerdoti Maltin fil-Brazil u anki għen biex jinfetaħ is-Seminarju tal-Ewropa f’Maastricht.
Fl-1977, l-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Ġużeppi Mercieca ħatar lil Victor Grech bħala Delegat tal-Arċisqof fis-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità tal-Knisja.
Fl-istess sena, il-Monsinjur Victor Grech waqqaf l-Aġenzija Caritas.
Fit-tmeninijiet, Monsinjur Grech beda l-proġetti tal-Caritas biex jgħin fi programmi ta’ prevenzjoni u riabilitazzjoni mid-droga. Dan wassal biex fl-1985, huwa waqqaf l-ewwel Komunità Terapewtika għal dawk li jabbużaw mid-droga f’Malta.
Il-Monsinjur Grech kien ukoll membru fl-eżekuttiv tal-Caritas Europe u tal-Caritas Internationalis għal tmien snin. Kien magħruf ukoll bħala l-founding father tal-Caritas Europa.
Huwa ħadem biex ikun hawn l-ewwel xelter fejn jistgħu jgħixu l-irġiel u n-nisa, li ma jkollhomx fejn jorqdu.
Għal bosta snin, Dun Victor għallem fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, fost oħrajn.
Fl-1990, Dun Victor inħatar bħala Kanonku tal-Kapitlu tal-Katidral u serva bħala President tal-Kapitlu għal perjodu ta’ tmien snin.
Il-Monsinjur Victor Grech ippubblika tliet kotba u għamel diversi Eżerċizzji tar-Randan liż-żgħażagħ.
Fl-aħħar snin, il-Monsinjur Victor Grech għex f’Tal-Ibraġ u kien qaddes fil-Knisja ta’ din il-lokalità ddedikata lill-Marija Immakulata.
Għax-xogħol siewi li għamel ma’ diversi persuni, fl-2012, Dun Victor irċieva l-Prempju Ċittadin Ewropew mill-Parlament Ewropew.
F’Jum ir-Repubblika tal-2013, il-Monsinjur Victor Grech inħatar bħala Uffiċjal fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, li ngħatat mill-President ta’ dakinhar, George Abela.
Fi stqarrija, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono sellem il-memorja ta’ Monsinjur Victor Grech, li ddedika ħajtu għall-ġlieda kontra d-droga, l-alkoħol, il-faqar u l-inġustizzji soċjali.
F’kumment fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Monsinjur Grech jibqa’ mfakkar bħala figura kostanti fil-ħidma soċjali qalb in-nies l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Anki l-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Monsinjur Grech u ta l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Monsinjur Martin Micallef ukoll sellimlu bħala “espert kbir fl-umanità” li, b’imħabbtu, jibqa’ jispira lil ħafna.
AQRA AKTAR: