L-istqarrija dwar mijiet ta’ miljuni f’investiment barrani fl-ekonomija grazzi għall-ħidma tal-Malta Film Commission ġiet ikkonfermata u vvalidata mill-Awditur Ġenerali.
Waqt laqgħa oħra tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi t-Tlieta, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ddikjara li l-impatt ekonomiku pożittiv tal-produzzjonijiet tal-films f’Malta hu “probabbilment aktar” minn dak li ġie stmat mill-istess Malta Film Commission fir-rapporti ekonomiċi ppubblikati minnha.
Fil-fatt, l-Awditur Ġenerali qal li l-Malta Film Commission adottat approċċ konservattiv meta vvalutat l-impatt ekonomiku tal-films f’Malta.
Skont l-NAO, il-kalkoli tal-Malta Film Commission dwar il-kontribut ekonomiku tas-settur kienu kawti u, għalhekk, hemm possibbiltà li l-benefiċċju reali fuq l-ekonomija jkun akbar u li l-investiment tal-kumpaniji barranin tal-films fuq servizzi lokali, akkomodazzjoni u talent Malti seta’ faċilment kien sottovalutat fid-dokumentazzjoni uffiċjali.
Dan hu konferma li pajjiżna ġab investiment barrani ta’ mijiet ta’ miljuni permezz tal-inċentivi tal-cash rebates offruti minn pajjiżna f’din l-industrija kompetittiva.
Il-valur ipoġġi lill-industrija tal-films fost l-ewlenin fit-tkabbir ekonomiku rekord li Malta ilha tikseb mill-aħħar snin, waqt li jxejjen għal kollox id-dubji li jitqajmu mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.