L-ewwel titjira militari Amerikana li fuqha kien hemm immigranti deportati mill-Istati Uniti waslet Cuba t-Tlieta filgħaxija sabiex jittieħdu Guantanamo Bay.
Il-President Donald Trump qal li ried juża’ din il-faċilità, li tesa’ 30,000 ruħ, bħala post ta’ detenzjoni wara li għal għexieren ta’ snin kienet tintuża primarjament għall-barranin assoċjati mal-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001.
Fl-aħħar jiem żdiedet il-preżenza ta’ truppi Amerikani fil-faċilità sabiex isiru l-preparamenti qabel jibdew jaslu l-immigranti.
Id-direttur tal-programm tad-drittijiet tal-immigranti u refuġjati fi ħdan Amnesty International tal-Istati Uniti, Amy Fischer, ikkritikat l-użu ta’ Guantanamo Bay bħala post ta’ detenzjoni fejn sejħet il-mossa bħala waħda krudili u li tqum il-flus hekk kif se jkunu segregati mill-avukati, familji u mezzi ta’ sostenn biex il-gvern Amerikan ikompli jnaffar id-drittijiet umani mingħajr ma jidher. Hija tenniet li l-faċilità għandha tingħalaq darba għal dejjem.
L-Istati Uniti nhar it-Tnejn iddeportat ukoll immigranti Indjani lura pajjiżhom filwaqt li grupp ta’ immigranti minn Haiti ġew deportati lura lbieraħ.