Tħabbret il-mewt tal-Prinċep Karim Aga Khan IV fl-età ta’ 88 sena, li għal miljuni ta’ segwaċi madwar id-dinja Musulmani Shia Ismaili, kien meqjus bħala dixxindent dirett tal-Profeta Mohammed u d-49 Imam ereditarju.
Fuq il-website tal-Fondazzjoni tiegħu u dik tal-komunità reliġjuża Ismaili intqal li hu miet il-Portugal ilbieraħ fil-preżenza tal-familja tiegħu.
Huma qalu li s-suċċessur tiegħu se jitħabbar aktar tard.
Huwa kien laħaq mexxej spiritwali fl-età ta’ 20 sena meta nannuh għażel lilu bħala suċċessur u mhux lil missieru li kellu reputazzjoni ta’ playboy, bl-iskuża li ried tmexxija żagħżugħa. Matul is-snin huwa sar negozjant prim kif ukoll filantropist u rnexxielu joħloq bilanċ bejn il-ħajja spiritwali u dik mondjana.
Ikkunsidrat bħala kap ta’ stat, Ir-Reġina Eliżabetta II tagħtu t-titlu ta’ ‘His Highness’ f’Lulju 1957, ħmistax biss wara li nannuh iddikjarah l-eredi tad-dinastija ta’ 1300 sena.
Huwa sar l-Aga Khan IV nhar id-19 t’Ottubru 1957, f’Dar es Salaam it-Tanżanija fl-istess post fejn nannuh ingħata l-piż tiegħu fi djamanti mis-segwaċi tiegħu.
Difensur tal-kultura u l-valuri Iżlamiċi, kien meqjus minn ħafna bħala bniedem li qarreb is-soċjetajiet Musulmani ma’ dawk tal-Punent minkejja li qatt ma xtaq jinvolvi ruħu fil-politika.
L-organizzazzjoni filantropika ewlenija tiegħu, The Aga Khan Development Network, titratta prinċipalment kwistjonijiet ta’ kura tas-saħħa, akkomodazzjoni, edukazzjoni u żvilupp ekonomiku rurali.
Diversi sptarijiet li jġibu ismu, jinsabu f’pajjiżi fejn il-kura tas-saħħa kienet ħażina ħafna għall-foqra fosthom fil-Bangladesh, Tajikistan u Afghanistan fejn nefaq għexieren ta’ miljuni ta’ dollari fl-iżviluppar tal-ekonomija lokali.
Il-valur tal-imperu finanzjarju tiegħu huwa wieħed diffiċli li jkun stmat għalkemm rapporti jindikaw li l-ġid personali tiegħu jammonta għall-biljuni.