Minn investigazzjonijiet, li kien beda jagħmel id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg, id-DIER, ħafna qabel saru ilmenti dwar kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, jirriżulta li issa t-total ta’ kumpaniji li jħaddmu l-food couriers u li ttieħdu proċeduri legali kontrihom tela’ għal erbgħa u erbgħin.
Dan wara li ħames kumpaniji diġà tressqu l-Qorti u disgħa u tletin oħrajn se jiffaċċjaw proċeduri simili talli kissru l-liġi dalwaqt, kif spjega s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament.
39 fleet operator, jiġifieri li jħaddmu magħhom food couriers, ħa jkunu qegħdin jitressqu l-Qorti minħabba li m’ottemprawx ruħhom mal-liġi li daħħalna tal-food couriers.
Andy Ellul, Segretarju Parlamentari
L-inforzar u issa l-proċeduri fil-Qrati huma frott ta’ investigazzjoni kontinwa fuq numru ta’ xhur mid-DIER fejn irriżulta li kien qiegħed isir abbuż fuq il-ħaddiema, fosthom li ma jingħatawx l-paga dovuta, kif spjega b’mod tajjeb Dr Ellul.
“Konna wieħed mill-ewwel tliet stati membri tal-Unjoni Ewropea li daħħalna din il-liġi fejn tajna dritt lil dawn il-ħaddiema, li llum il-ġurnata hu mnaqqax fil-liġi, għal kundizzjonijiet bażiċi, fosthom li jkollok kuntratt ta’ mpjieg, li jkollok il-Paga Minima, li jkollok payslip dettaljata, li tingħata l-ħlas għall-overtime u ħlas meta taħdem festa pubblika.”
Andy Ellul, Segretarju Parlamentari
Il-Gvern kemm-il darba għamilha ċara li mhu se jittollera l-ebda abbuż u għalhekk it-triq ’il quddiem kienet li jinbdew proċeduri legali.
Dan fi żmien fejn il-pajjiż għandu quddiemu għall-konsultazzjoni pubblika l-Malta Labour Migration Policy, imsejsa fuq prinċipji ewlenin favur il-ħaddiema Maltin, stabbiltà fis-suq tax-xogħol u dinjità lil kull ħaddiema, anke għax, bit-tnaqqir fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, jintlaqtu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.