Il-Kunsill Lokali tal-Għarb, immexxi mill-Partit Għarb L-Ewwel, faħħar l-appoġġ u l-ħidma tal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li qed jissarraf fl-iżvilupp insfrattuturali f’waħda mit-toroq ewlenin fl-istess lokalità, Triq Tumas Cassar.
Il-Kunsill indipendenti qal li, bis-saħħa tal-Ministeru, se jsiru xogħlijiet vasti u jikkonsisti fir-rikostruzzjoni tat-triq, tibdil tal-mejn prinċipali tal-ilma, sistema ġdida tad-drenaġġ għar-residenzi u l-Lukanda ewlenija Kempinski, waqt li se jiġu installati dwal ġodda madwar il-Grawnd Wiġi Portelli.
Dan ukoll imur kontra l-impressjoni qarrieqa li pprova jagħti l-Kelliem Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg, li uża imejl dubjuża tal-Kunsill Reġjonali biex jipprova jinstiga xi diżgwid bejn il-kunsilli Għawdxin u l-Gvern ċentrali, meta dan mhuwiex il-każ.
Sindki minn numru ta’ lokalitajiet qalu li huma mhux parti minn tali qerq partiġġjan u, minflok, dejjem sabu kull appoġġ mill-Ministeru għal Għawdex f’diversi proġetti u fl-organizzar tal-attivitajiet varji fi ħdanhom.
Saħansitra l-Kunsill tan-Nadur, immexxi minn Edward Said, ħu d-Deputat Chris Said, iddikjara li, kieku ma kienx għall-Ministeru għal Għawdex, din is-sena lanqas biss kien jiġi organizzat il-Karnival spontanju li jattira lejh mal-50,000 viżitatur bejn Maltin u barranin.