Muhammed Abdi, Somalu, intbagħat ħames snin ħabs u ġie mmultat €2,000 wara li ammetta li attakka lil xi persuni, waqt li beda jittallab, u hedded lill-uffiċjali tal-Pulizija li kien se jisparalhom.
Bejn il-11 u l-15 ta’ Jannar, Abdi ta fastidju lil persuni li kienu għaddejjin fit-triq, waqt li saħansitra beżża’ raġel li se jattakkah. Ma’ dan, hu ġie akkużat ukoll li hedded tliet uffiċjali fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.
Tali reati twettqu waqt li s-Somalu kellu sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordni ta’ probation, li t-tnejn ingħataw din is-sena stess.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, Abdi wieġeb li hu ħati. Hu ġie kkundannat tliet snin ħabs u €2,000 multa, waqt li ġie ordnat li tidħol fis-seħħ is-sentenza preċedenti għal total ta’ ħames snin ħabs.
Il-Maġistrat ukoll ordnat li, fit-tliet snin li ġejjin, jingħata trattament biex jegħleb vizzju tad-drogi.
Ir-raġel ġie mwissi li, kemm-il darba jikser l-ordnijiet li ngħatawlu, jeħel multa oħra ta’ €2,000.