Għawwiema Maltin neqsin mid-dawl kisbu ċ-ċans uniku li jiksbu pariri diretti mingħand Athlete Paralimipika Taljana nieqsa mid-dawl waqt Para Swimming Development Camp organizzat għall-kowċis u atleti żgħażagħ u promettenti.
Martina Rabbolini, għawwiema għama li rrappreżentat lill-Italja f’diversi kampjonati Ewropej u dinjin u tliet edizzjonijiet tal-Logħob Paralimpiku, kienet Malta biex taqsam l-esperjenza u t-teknika tagħha.
Grupp ta’ erbatax-il kowċ u għaxar Para għawwiema, ta’ bejn it-8 u s-17-il sena, ħadu sehem fil-kamp li sar fil-pixxina indoor tal-Mediterranean College of Sport, organizzat mill-Kumitat Paralimpiku Malti, b’kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation u l-Federazione Italiana Nuoto Paralimpico.
Maqsuma fuq tlett ijiem, il-parteċipanti bbenefikaw mill-gwida esperta tal-kowċis Taljani Federica Fornasiero u Enrico Testa, li jifformaw parti mit-tim nazzjonali tal-Italja li rebaħ bosta premjijiet u li kiser ir-rekords għall-għawm Paralimpiku.
Sessjonijiet edukattivi ddedikati għall-kowċis kienu ffokati fuq metodoloġiji u tekniki ta’ għawm għal għawwiema għomja jew b’impairment tal-vista, flimkien ma’ sessjonijiet prattiċi tal-pool għal atleti b’ diżabilità viżiva jew fiżika.
Il-kowċis użaw ukoll apparat adaddattat, bħal ‘tappers’ u apparat awdjo ddisinjat għal dawn l-għawwiema, u kull atleta rċieva evalwazzjonijiet individwali u pariri personalizzati biex itejbu t-teknika u l-prestazzjoni tal-għawm tagħhom.
Il-kamp ta’ żvilupp serva wkoll biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet u jiġu esplorati kollaborazzjonijiet futuri bejn l-istess għaqdiet, inkluż b’taħriġ speċjalizzat għall-kowċis tal-għawm, skambji internazzionali u kompetizzjonijiet jew kampijiet ta’ taħriġ f’Malta u l-Italja.
Il-Malta Trust Foundation, immexxija mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li dan il-kamp kien investiment fil-ġenerazzjoni futura ta’ għawwiema u kowċis, waqt li rrimarkat dwar is-sinerġija bejn it-tfal, il-ġenituri u l-kowċis matul dan il-kamp.
Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tagħna għall-inklussività u trawwem sens qawwi ta’ komunità, li hu parti essenzjali mill-missjoni tal-Malta Trust Foundation.