Waqt is-seduta Parlamentari t-Tnejn filgħaxija, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, sostna li s-servizz tal-BCRS f’pajjiżna se jkun qed jibqa’ jiġi mtejjeb mingħajr l-ebda frustrazzjoni żejda għan-nies.
Dan isegwi dak li tenna l-Prim Ministru Robert Abela hekk kif ikkundanna d-deċiżjoni tal-BCRS, li hi responsabbli għall-iskema nazzjonali tar-riċiklar tal-fliexken, li żżid it-tariffi tagħha u enfasizza li l-operaturi għandhom itejbu s-servizzi qabel biss jikkunsidraw żidiet fl-ispejjeż għall-importaturi.
Dr Abela qal li l-Gvern kellu numru ta’ laqgħat mal-konsorzju, li jmexxi s-sistema, dwar il-problemi li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi, waqt li ngħataw numru ta’ possibbiltajiet li jistgħu jsiru, iżda għad ma kienx hemm ftehim.
Bedingfield aċċenna li l-prijorità tal-Gvern hi l-interess tan-nies.
“Irridu nieħdu wkoll ħsieb in-nies li jgħixu f’dan il-pajjiż u aħna dejjem fuq in-naħa tan-nies. Aħna għandna obbligi internazzjonali li rridu nilħqu, imma fl-istess waqt għandna obbligu li jkollna sistema tal-ġbir tal-fliexken tal-BCRS, li tkun sistema faċli u li tista’ mingħajr ma ġġib frustrazzjonijiet żejda għan-nies. Aħna rridu ntejbu dan is-servizz u nagħmluh aktar effiċjenti.”
Glenn Bedingfield, Segretarju Parlamentari
Is-servizz tal-BCRS, ġie mniedi f’pajjiżna fl-2022 bil-għan li jippromwovi aktar riċiklaġġ, b’miri ambjentali sal-2026.
Rapport fil-ħarġa tat-Tlieta tat-Times indika li żewġ kumpaniji H2Only u Huskie diġà ddeċidew li jżidu l-prezzijiet fuq ċerti prodotti bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-BCRS.