Kitba tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja
Bħala General Workers’ Union, ilqajna b’sodisfazzjon id-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-ħaddiema ekonomiċi barranin. Nemmnu li din il-politika hija pass deċiżiv u sinifikanti b’saħħtu biex jirregola d-dħul u l-impjiegi tal-ħaddiema barranin, tindirizza l-abbuż, u tiżgura suq tax-xogħol stabbli, ġust u ta’ kwalità. Nilqagħu wkoll l-impenn tal-gvern għal osservanza aktar b’saħħitha kontra l-abbuż u l-isfruttament ta’ dawn il-ħaddiema. Il-GWU kienet konsultata matul il-proċess kollu ta’ tfassil ta’ dan id-dokument ta’ konsultazzjoni. Filwaqt li ninsabu sodisfatti, ser inressqu numru ta’ proposti biex intejbu l-protezzjoni tal-ħaddiema u niżguraw li l-immigrazzjoni tkun fejn meħtieġ, u niggarantixxu impjiegi dinjitużi u pagi ġusti skont il-ħtiġijiet ekonomiċi ta’ Malta.
Il-Prinċipji ta’ politika msejsa fuq l-istabbiltà fis-suq tax-xogħol, il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħtieġa li l-immigrazzjoni għax-xogħol tirrifletti l-ħtiġijiet tal-pajjiż kif ukoll l-enfasi fuq il-ħiliet u t-taħriġ. Bħala General Workers’ Union dejjem emminna dwar il-ħtieġa tal-ħaddiema barranin però fejn meħtieġ. Dan biex niggarantixxu li jiġu trattati b’mod xieraq u ġust u mhux sfruttati. L-sfruttament u l-abbużi jħallu impatt kemm fuq il-ħaddiema barranin kif ukoll fuq il-ħaddiema Maltin.
Bħala tradeunion li l-valur ewlieni tagħna huwa difiża u l-promozzjoni ta’ drittijiet tal-ħaddiem, ma tistax ma taqbilx mal-prinċipji ta’ din il-politika u diversi drabi tkellimna mal-awtoritajiet konċernati u sħaqna fuq l-importanza tal-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema biex jinqatgħu kull tip ta’ abbuż u sfruttament. Dan nagħmluh għax nemmnu li l-akbar u l-aqwa riżors ta’ dan il-pajjiż huwa l-ħaddiem.
Ma hemm l-ebda dubju dwar il-ħtieġa tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna biex insostnu l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna. Iżda kienet tinħass ukoll il-ħtieġa li ssir riforma fuq kemm jidħlu, il-mod li jiġu ingaġġati u l-mod li jitħaddmu. Nemmnu li dan id-dokument ta’ konsultazzjoni għandu jwassal għal direzzjoni tajba ħafna, f’qafas tal-viżjoni Malta 2025.
Filwaqt li naqblu mal-prinċipji li jinsabu f’dokument u mar-rakkomandazzjoni msemmija, nemmnu wkoll li għandu jkun hemm infurzar b’saħħtu. Dan biex min jabbuża jieħu dak li ħaqqu u ma jingħatax permess li jimpjega aktar ħaddiema barranin.
Hemm diversi rakkomandazzjonijiet li għandhom iwasslu biex ikollna suq ta’ xogħol ta’ kwalità. Naqblu li jkun limitat in-numru ta’ ħaddiema li min iħaddem jista’ jimpjega biex niggarantixxu impjiegi ta’ kwalità. L-ebda sid ma għandu joqgħod ikeċċi lill-ħaddiema bl-addoċċ u jibdel skont kif jaqbillu, b’rasu mistrieħa li jaf li jista’ jġib aktar ħaddiema. Niltaqgħu ma’ diversi każi fejn ħaddiem spiċċa barra mingħajr ma jaf għalfejn. Mhuwiex denju li bniedem tużah u tarmih skont l-esiġenzi tiegħek.
Fuq kollox, il-politika tiżgura li kull opportunità ta’ xogħol l-ewwel tingħata lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin biex niżguraw li ma jkunx hemm pressjoni żejda fuq l-pagi u l-ħaddiema. Imbagħad jekk verament ma jinstabx, jingħata ċ-ċans li jirrikorru għall-ħaddiema barranin. L-estensjoni tal-perjodi ta’ tiġdid u t-tnaqqis tat-tariffi tal-permessi fit-tul jinċentivaw lin-negozji biex iżommu u jinvestu fl-impjegati tagħhom. Naqblu mal-introduzzjoni ta’ kriterji ta’ eliġibilità ta’ min iħaddem aktar stretti, perjodu ta’ appell estiż għal Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi (TCNs) li jfittxu impjiegi ġodda, u ħruġ immedjat ta’ kuntratti ta’ impjieg u terminazzjoni tal-impjieg. Barra minn hekk, nilqgħu l-enfasi fuq il-korsijiet ta’ integrazzjoni.
Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati għadha kruċjali. Infurzar aktar b’saħħtu, spezzjonijiet aktar frekwenti, u penali aktar imsaħħa huma passi fid-direzzjoni t-tajba. L-infurzar jibqa’ kruċjali u essenzjali. Ħafna ħaddiema migranti b’ħiliet baxxi għadhom vulnerabbli għall-isfruttament. Huwa għalhekk li nipproponu li dawn il-ħaddiema għandhom jissieħbu awtomatikament f’tradeunion.
Aspett importanti ieħor huwa l-importanza li ser tingħata lill-ħiliet tal-ħaddiema migrazzjoni mal-ħtiġijiet ekonomiċi ta’ Malta. Aktar importanti huwa l-aċċess biex dawn il-ħaddiema jingħataw taħriġ biex iżidu l-ħiliet. Aħna nappoġġaw il-bidla għal sistema bbażata fuq il-ħiliet, biex niżguraw li dawn il-ħaddiema barranin jikkumplimentaw aktar milli jissostitwixxu t-talent lokali. Ir-rakkomandazzjoni tal-Labour Migrant Needs Testing aktar rigorużi, il-punti dwar ir-riferiment tal-pagi, l-estensjoni ta’ tiġdid minn sena sa sentejn, u l-mekkaniżmi ta’ integrazzjoni qabel jiġu hawn huma kollha proposti li jwasslu għal aktar stabbiltà u xogħol ta’ kwalità.
Dan kollu biex is-sidien ikunu mħeġġa jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iżommu l-ħaddiema barranin impjegati magħhom filwaqt li jsejħulhom il-kundizzjonijiet u jinvestu fihom permezz ta’ taħriġ biex ikomplu jiżviluppaw, joħolqu ambjent tax-xogħol aktar stabbli u ta’ appoġġ filwaqt li jillimitaw ukoll il-ħtieġa għal applikazzjonijiet ġodda għat-TCNs.
Il-GWU tilqa’ din il-politika bħala pass lejn suq tax-xogħol aktar ġust u regolat tajjeb. Politika ġusta tkun dik ibbażata fuq il-ħiliet, xogħol dinjituż u paga xierqa hija essenzjali għat-tkabbir ekonomiku mingħajr ma tikkomprometti s-sigurtà tal-impjiegi jew l-ekwità soċjali. Inħeġġu lill-gvern biex isaħħaħ il-miżuri ta’ infurzar, isaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema, u jiżgura li din il-politika tagħti suq tax-xogħol ġust u sostenibbli għal kulħadd. Il-GWU tibqa’ impenjata li tikkollabora ma’ dawk li jfasslu l-politika biex jintlaħqu dawn il-miri u trawwem ambjent ta’ impjieg ekwu u ġust.