L-aħħar rapport ta’ kull tliet xhur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta indika kif, matul it-tielet kwart tas-sena l-oħra, I-ekonomija Maltija żammet I-ogħla rata ta’ tkabbir fiż-Żona Ewro.
Dan kien xprunat mid-domanda domestika, hekk kif il-familji f’pajjiżna bdew igawdu mit-tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni u minn żidiet fis-salarji. Minbarra hekk, in-negozji lokali baqgħu protetti minn xokkijiet ta’ prezzijiet internazzjonali, grazzi għas-sostenn tal-Gvern.
Skont I-esperti tal-Bank Ċentrali, it-tkabbir ekonomiku baqa’ aktar għoli mit-tkabbir li kieku qed nużaw il-kapaċità produttiva b’mod normali.
Filfatt jidher li din għadha qed tiġi użata b’mod aktar milli normali, tant li I-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank baqa’ ftit ogħla mill-medja storika tiegħu, li jissuġġerixxi li qed nikbru b’rata akbar minn dik tas-soltu.
Dan fl-istess ħin li I-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea naqas u qiegħed taħt il-medja. Dan I-aktar għax żdiedet I-inċertezza fost I-esportaturi minħabba s-sitwazzjoni globali xejn feliċi.
B’kuntrast meta wieħed iħares lejn iI-kejl tal-Inċertezza tal-Politika Ekonomika maħdum mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, dan naqas u baqa’ ferm taħt il-medja storika tiegħu.
L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol lokali wkoll baqgħu pożittivi, bir-rata tal-qgħad tibqa’ fost I-inqas fl-istorja, waqt li s-suq baqa’ karaterrizzat minn żieda fir-rata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti.
Skont il-Labour Force Survey, it-tkabbir fl-impjiegi f’Malta kien ogħla mill-medja taż-Żona Ewro, filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet aktar baxxa.
II-pressjonijiet fuq il-prezzijiet komplew jonqsu matul it-tielet kwart tal-2024, bl-inflazzjoni annwali tonqos u, meta teskludi I-inflazzjoni tal-enerġija u l-ikel, din kienet ferm taħt il-medja taż-Żona Ewro.
Fl-istess żmien, il-proporzjon tad-defiċit mal-ġid nazzjonali naqas, kif għamel ukoll il-proporzjon tad-dejn. Kemm id-defiċit fiskali tal-Gvern Malti kif ukoll il-proporzjon tad-dejn kienu taħt il-medja taż-Żona Ewro.