L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Żvediż irrilaxxa tanker irreġistrat Malta wara investigazzjoni fi ħsara li saret lil cable f’qiegħ il-baħar li jgħaqqad il-pajjiż mal-Latvja.
Fil-bidu kien hemm suspetti li l-ħsara kkawżata mill-ankra tal-bastiment bl-isem ta’ Vezhen setgħet kienet att ta’ sabutaġġ. Għaldaqstant ġie miżmum fl-Iżvezja sakemm issir l-investigazzjoni neċessarja.
Issa l-awtoritajiet Żvediżi qalu li, għalkemm kienu konvinti li l-ħsara saret mill-bastiment, aċċettaw l-ispjega tal-kumpanija tat-tbaħħir Navibulgar li l-ankra aċċidentalment waqgħet fil-baħar matul maltempata fil-Baħar Baltiku, anke minħabba ħsarat fil-magni li jirrilaxxaw l-ankra.
Filmati mill-bastiment urew l-ankra tinqata’ mill-irbit tagħha waqt il-maltemp.
It-tanker kien telaq mir-Russja fl-24 ta’ Jannar u jumejn wara kkawża l-ħsara fil-cable fin-Nofsinhar ta’ Gotland, fl-Iżvezja, fi triqtu lejn il-port ta’ Skagen fid-Danimarka.
L-Iżvezja, il-Findlandja u l-Estonja żiedu l-patrols fl-ibħra tagħhom wara inċidenti riċenti, waqt li kisbu l-appoġġ tan-NATO biex isaħħu l-miżuri ta’ sigurtà fir-rotot ta’ tbaħħis fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku. L-awtoritajiet Russi ripetutament iddikjaraw li ma kinux involuti f’aċċidenti li wasslu għal ħsarat f’cables fil-baħar.