Żagħżugħ ta’ 22 sena, Cole Schmidtknecht, li kien ilu jbati minn ażżma kronika sa minn tfulitu, miet mewta traġika meta l-mediċina preskritta lilu tant eskalat fil-prezz li ma kellux mezzi biex jixtriha.
Fl-10 ta’ Jannar li għadda huwa mar biex jiġbor il-mediċina minn spiżerija f’Appleton Wisconsin fejn il-farmaċista nfurmatu li l-inhaler li s-soltu kien jixtrih $66.86 kien għola fil-prezz u sar $539.19, differenza ta’ $472.33!
L-ispiżerija kienet għadha kemm irrifjutat li tkopri din il-preskrizzjoni bl-assigurazzjoni wara li l-kumpanija OptumRX kienet bidlet il-policy tagħha lejn l-aħħar tal-2023. Iż-żagħżugħ, li ma kellux mezzi biex iħallas dan il-prezz astronomiku, telaq mingħajr ma xtara l-mediċina li kienet kruċjali għal saħħtu u għamel ħamest ijiem juża inhaler ta’ emerġenza waqt li beda jsoffri minn qtugħ ta’ nifs.
Sfortunatament ħajtu ntemmet ħesrem fil-15 ta’ Jannar meta sofra minn attakk fatali tal-ażżma u meta waslu s-servizzi ta’ emerġenza ma setgħu jagħmlu xejn biex isalvawlu ħajtu.
Il-familja taż-żagħżugħ fetħet kawża legali kontra l-kumpanija tal-assigurazzjoni kif ukoll l-ispiżerija hekk kif Cole ma ingħata l-ebda avviż li l-polza tal-assigurazzjoni ma kinitx se tkopri l-mediċina filwaqt li l-farmaċista ma tkellmitx mat-tabib ta’ Cole sabiex tinstab mediċina alternattiva.