Il-Gvern se jieħu lura Forti Bengħajsa, li ilu okkupat illegalment għal bosta snin u se jingħata lura lin-nies. Din id-deċiżjoni hi parti mill-isforzi tal-Gvern biex jiżgura l-użu xieraq tal-art pubblika u jneħħi l-irregolaritajiet li saru f’dan il-post storiku matul iż-żmien.
Din l-aħbar, li ngħatat mill-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ f’Birżebbuġa, hi parti mill-proċess biex il-Forti jiġi lura f’idejn l-Istat, liema proċess qed jersaq lejn il-konklużjoni tiegħu. Il-Gvern qed jaħdem biex jiżgura li dan il-post jiġi riabilitat u jerġa’ jibda jitgawda mill-pubbliku kif inhu xieraq.
Il-Ministru għall-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz tal-Awtorità tal-Artijiet flimkien mal-entitajiet relevanti, ittieħdu proċeduri u hemm ħidma oħra għaddejja biex dan il-proċess isir b’mod ordnat u skont il-parametri tal-liġi.
Dan wara li l-istess Awtorità tal-Artijiet ħarġet ordni ta’ żgumbrament sal-aħħar ta’ Frar lill-okkupanti illegali f’din il-forti sabiex il-fortizza tkun magħluqa u sorveljata sakemm jitneħħew diversi irregolaritajiet li saru matul is-snin.
Il-Gvern jibqa’ impenjat biex ikompli jtejjeb l-użu ta propjetà pubblika filwaqt li jinsab kommess li l-Forti ta’ Bengħajsa tingħata lura lin-nies bl-użu li jirrispetta l-valur storiku tagħha.