Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri tenna li, is-sena li għaddiet, il-popolazzjoni f’Malta, b’rabta mal-permessi ta’ residenza ta’ barranin mill-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi, stabbilizzat.
Waqt li wieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Beppe Fenech Adami fis-seduta tat-Tnejn, il-Ministru Camilleri qal li dan jirrifletti l-politika li qed jadotta l-Gvern, inkluż bir-riforma tat-temping agencies u deciżjonijiet oħrajn marbutin mal-food couriers u tal-Y plates, fost oħrajn.
Dan hekk kif kien hemm rata ogħla ta’ retention u tiġdid ta’ permessi ta’ residenza, flimkien ma’ inqas applikazzjonijiet ġodda ta’ barranin, biex intlaħaq anke wieħed mill-għanijiet tal-Malta Labour Migration Policy, li għadha kemm tnediet għall-konsultazzjoni.
Qal li, imqabbel maċ-ċifri tal-31 ta’ Diċembru tal-2023, jirriżulta li ż-żieda netta ta’ permessi ta’ residenza validi mill-aġenzija Identità għal persuni ġejjin minn pajjiżi terzi fl-2024 kienet ta’ 668.
Ma’ dawn kien hemm żieda ta’ ftit aktar minn 4,000 permess ta’ residenza, wara proċess minn Residenza Malta u l-programmi tagħha, li ġġeneraw aktar minn €132 miljun fl-ekonomija Maltija.
Fir-rigward ta’ persuni ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, is-sena l-oħra, inħarġu total ta’ 5,811-il dokument ġdid ta’ residenza, skadew jew ġew revokati 6,662 permess u ġġeddu 4,310.
Hawn il-Ministru speċifika li ċittadini tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea m’għandhomx bżonn permess ta’ residenza biex jgħixu fostna, iżda jinħarġilhom ċertifikat ta’ reġistrazzjoni f’forma ta’ dokument ta’ residenza.