L-Istitut għall-Edukazzjoni, l-IFE, qed jiċċelebra għaxar snin ta’ suċċess fis-settur edukattiv f’pajjiżna fejn ukoll qed jingħata dehra ġdida.
F’dawn is-snin, l-IFE stabbilixxa ruħu b’mod b’saħħtu fis-settur u sar punt ta’ referenza għall-professjonisti li jixtiequ javvanzaw fil-karriera edukattiva, filwaqt li ġew introdotti diversi programmi edukattivi li servew ta’ bażi soda għall-edukaturi lokali.
F’diskors tal-okkażjoni, it-Tnejn filgħodu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, saħaq dwar l-importanza ta’ dan l-istitut u l-kontribut kbir li qed jagħti lis-sistema edukattiva f’pajjiżna.
“Naħseb li l-IFE, fl-aħħar snin, uriet ir-rwol importanti tagħha fis-sistema edukattiva billi tat diversi toroq, diversi opportunitajiet lil numru ta’ edukaturi li riedu jtejbu dak li huma l-ħiliet tagħhom, itejbu dak li huma l-ħiliet u l-kwalifiċi tagħhom, kwalifiċi li permezz tagħhom ikollom aktar opportunitajiet biex javvanzaw fil-karriera tagħhom.”
Il-Ministru Clifton Grima
Il-Kap Eżekuttiv tal-istitut, Joanne Grima, saħqet li se jibqgħu impenjati li joffru edukazzjoni ta’ kwalità u li jappoġġjaw lill-edukaturi fil-karrieri tagħhom, filwaqt li spjegat li l-logo l-ġdid issa jinkludu l-inizjali u l-motto li sar ‘Shaping Future Generations’, riflessjoni tal-impenn lejn il-formazzjoni tal-professjonisti tal-futur.
“Aħna bdilna l-logo, imma mhux il-valuri, mhux l-isem. Dak li għamilna tul dawn l-aħħar għaxar snin għamilna iżjed determinanti issa stabbilixxejna ruħna sew is-sinifikat tiegħu u nħarsu lejn l-għaxar snin li jmiss b’determinazzjoni, kbira, standards stabbiliti, se nkunu qegħdin niftħu l-bibien għall-professjonijiet kollha li jagħmlu ġid lill-istudenti fl-edukazzjoni tagħhom u fl-iżvilupp ħolistiku tagħhom.”
Joanne Grima, Kap Eżekuttiv, IFE