Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi t-Tnejn filgħodu, tnieda l-programm tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal din is-sena, miżgħud b’attivitajiet ta’ ġeneri differenti.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li dan il-programm hu pass ieħor biex ikompli jissaħħaħ is-settur kulturali u tissebbaħ il-belt kapitali tagħna.
“Bis-saħħa tal-investiment li wettaqna u bix-xogħol li qed tagħmel il-Valletta Cultural Agency u l-entitajiet oħrajn li qegħdin fil-Belt Valletta, qed naraw il-Belt Valletta, li llum saret destinazzjoni kulturali ewlenija mhux biss għall-Maltin, mhux biss għat-turisti li jżuruna, imma wkoll fuq livell Ewropew, għax il-Belt Valletta llum stabbilixxiet ruħha bħala l-post fejn hemmhekk issir il-kultura.”
Il-Ministru Owen Bonnici
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Catherine Tabone, stiednet lill-udjenzi biex jirrikorru għall-attivitajiet u jgħixu l-enerġija artistika tal-Belt kapitali.
Fost l-avvenimenti nsibu dawk ta’ żmien il-Milied, partikolarment ‘Christmas in the Capital’, il-11-il edizzjoni tal-Valletta Green Festival, li se jsir f’April fi Pjazza San Ġorġ, il-Valletta Local Food Festival, li din id-darba se jittella’ f’Lulju fil-Barrakka ta’ Fuq, l-‘Opera in the Capital’ u bosta esebizzjonijiet, kunċerti u produzzjonijiet teatrali.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, tenna li tfassal programm dettaljat b’varjetà li tiċċelebra l-wirt artistiku tagħna, filwaqt li jilqgħu espressjonijiet kreattivi ġodda.
“Imma wkoll għandna innovazzjonijiet ġodda, fost l-affarijiet sbieħ ħafna u innovattivi li għandna din is-sena, għandna dramm partikolari ħafna ta’ Ġesù Kristu tal-Ġimgħa Mqaddsa, li jismu ‘Lura fi Strada Stretta’, li hu dramm partikolari ħafna fi Strada Stretta fl-isfond tal-Ġimgħa Mqaddsa, naturalment għandna wkoll ċelebrazzjonijiet oħrajn mużikali u għandna tislima partikolari ħafna lejn uħud mill-ikoni tal-mużika Maltija, li llum m’għadhomx magħna jismu ‘Ilħna li Jibqgħu’.”
Jason Micallef, Chairman
Aktar informazzjoni tinstab fuq is-sit uffiċjali vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-aġenzija.