F’opinjoni ppubblikata fit-Times fil-ħarġa tat-Tnejn, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa kompla bil-“gwerra qaddisa” tiegħu u hedded lill-Gvern Laburista tal-Prim Ministru Robert Abela b’dawk li sejjaħ “konsegwenzi serji”.
Dan waqt li l-Gvern, permezz tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, qed jirriforma s-sistema antikwata f’pajjiżna fejn jidħlu l-inkjesti maġisterjali, li minnha xebgħu jabbużaw dawk li, bħal Casa, jinsabu fil-fergħa estremista Nazzjonalista.
Fil-kitba tiegħu, Casa qal li Gvern Laburista qed iżarma kompletament is-saltna tad-dritt fil-pajjiż, anke jekk kienu persuni mill-istess fergħa tiegħu, bħal Jason Azzopardi, l-avukat tal-għaqda Repubblika, li fl-aħħar żmien inqabad jabbuża mill-proċess ġudizzjarju biex jattakka persuni innoċenti, bla ebda provi f’idejh biex ukoll spiċċa jammetti li kien gideb.
Fl-istess ħin, Robert Aquilina, il-President Onorarju ta’ Repubblika, attakka bl-addoċċ lill-istituzzjonijiet bħall-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Maġistrat Nadine Sant Lia, li ordnat li hu stess għandu jiġi investigat dwar ħruġ illegali ta’ informazzjoni minn inkjesta interna.
Il-kitba ta’ David Casa t-Tnejn tkompli tirrifletti l-ipokrezija tal-estremisti fil-Partit Nazzjonalista li, konvenjentement, jattakkaw lil kull min ma jdoqqx id-diska tagħhom, anke jekk iriduha tal-paladini tad-demokrazija.
Ta’ min ifakkar kif Casa, lejliet l-elezzjonijiet is-sena l-oħra, wiegħed gwerra qaddisa kontra l-Laburisti u l-Gvern, anke jekk dan kien elett bl-akbar maġġoranza fl-istorja tliet snin ilu.
“Fil-Parlament Ewropew se nagħmel ħilti kollha, gwerra qaddisa biex nara li dawn in-nies posthom ma jkunx Kastilja. Jiena se nagħmel gwerra kontra tagħhom, bl-għodda kollha, li qatt m’użajt s’issa.”
David Casa, Ewroparlamentari PN
- “Jekk Alla jrid, intajru anki lilhom issa fi ftit tas-snin oħra. Għandna saħħa anke minkejja li ninsabu fl-Oppożizzjoni.”