- GĦELBET IL-MARDA TAL-KANĊER U SE TIKTEB KTIEB
Kull individwu jħares lejn il-ħajja minn lenti differenti. Quddiem sitwazzjonijiet diffiċli r-reazzjonijiet ikunu differenti, hemm uħud li jsibu l-pożittiv fl-isfida li se jkollhom jaffaċċjaw u oħrajn iħarsu aktar lejn in-negattiv. L-affarijiet li ngħaddu minnhom tul ħajjitna xi kultant jgħallmuna nħarsu lejn il-problemi minn perspettivi li huma differenti minn kif konna nħarsu lejhom qabel.
Fil-fatt, Antonella Rogers li sa ftit ġimgħat ilu kienet qed tiġġieled il-marda tal-kanċer stqarret magħna li tul il-battalja tagħha għaddiet minn fażijiet differenti. Fażijiet li llum il-ġurnata qed iwasslu tagħlima mhux biss lili u lilek iżda lil ħafna nies, uħud li bħalissa huma pazjenti.
Antonella ta’ 35 sena, proprju f’Settembru saritilha d-dijanjożi mit-tobba, liema dijanjożi ma tantx ġabitilha aħbarijiet sbieħ hekk kif t-tobba qalulha li għandha kanċer tas-sider aggressiv. Hija spjegatilna li kien meta ħasset lump f’sidirha li marret għand it-tabib u l-ewwel testijiet ma kinux urew li hija kellha kanċer. Izda sitt ġimgħat wara hija ddeċidiet li terġa’ tagħmel it-testijiet relatati hekk kif f’moħħha kellha jberren il-ħsieb li qatt ma raqad, dak li saħħitha sejra lura. Fil-fatt, mit-testijiet li għamlet saritilha d-dijanjożi li rat il-bidu ta’ żmien diffiċli.
“Meta jagħtuk l-aħbar, tħoss xokk kbir u tħoss id-dinja taqa’ fuqek. Tibda tinkwieta u taħseb it-toqol li se tpoġġi fuq il-familja li miegħek ikollha tgħaddi minn żmien ikrah u bħal donnok tħoss il-mewt ġejja għalik. Għall-bidu kienet diffiċli ħafna u wara l-ewwel sessjoni ta’ kimoterapija ħassejt uġigħ li qatt ma ħassejt qabel u qtajt qalbi. Dakinhar irrifjutajt li nerġa’ nieħu aktar kura u għażilt li mmut. Iżda xahar wara rrealizzajt li fil-ħajja għandi x’nitlef u fittixt lil Alla biex jgħini u nagħmel il-kuraġġ.”
Kien f’dak il-mument ta’ realizzazzjoni li Antonella ħadet id-deċiżjoni li kienet se tagħmel minn kollox biex tfiq. F’dawk il-ġranet ta’ tbatija stqarret li l-għajnuna hija l-bażi ta’ kollox, mhux biss l-għajnuna tal-professjonisti iżda anke tal-familjari u tal-ħbieb. Fil-fatt, id-deċizjoni li ħadet Antonella u l-għajnuna li sabet wasslu għar-rizultati wara sitt ċikli ta’ kimoterapija.
Hija spjegat li dakinhar bdiet tibki, iżda din id-darba l-biki ma kienx wieħed ta’ dwejjaq u uġigħ izda kien biki ta’ ferħ liema bħalu għax ingħatat l-aħbar li l-kanċer tagħha kien naqas b’75% u li għalhekk setgħet tagħmel operazzjoni. Operazzjoni li lil Antonella salvatilha ħajjitha – Illum Antonella fieqet.
“Illum il-ġurnata li jiena fiqt, nemmen li jiena fiqt bid-determinazzjoni tiegħi stess, għax għażilt li nibqa’ soda u ma ninġibidx mill-kurrent tan-negattività. Il-mediċina hija importanti iżda importanti li żżomm ruħek f’rutina u li għalkemm ma tkunx ir-rutina tas-soltu tagħmel kollox fil-limitazzjonijiet tiegħek.”
Illum li Antonella fieqet ma tibżax mill-ħajja u tħoss li din il-fażi f’ħajjitha hija kapitlu magħluq u għażlet li tkompli bil-ħajja normali ta’ kuljum. Temmen li din l-esperjenza qarsa wasslet biex il-ħajja tagħha tieħu żvolta għall-aħjar.
“Dejjem apprezzajt il-ħajja imma tgħallimt napprezzaha iktar. Tgħallimt inħobb u nagħti aktar u l-ikbar lezzjoni kienet li dak li nixtieq nagħmel illum ma noqgħodx nistenna sa għada, għax għada jaf ikun tard wisq.”
L-għajnuna li sabet hi issa qed tgħaddiha lil ħaddieħor. “Minkejja li għażilt li t-tbatija nħalliha warajja qed naħdem biex inkun mentalment aktar b’saħħti biex ngħin lil ħaddieħor li għaddej minn din il-marda jew tbatijiet oħra; fosthom nies bi problemi ta’ droga, bid-dipressjoni jew ġenituri li uliedhom għaddejjin minn perjodu diffiċli.”
Antonella tħares lejn il-ħajja bħala waħda qasira wisq u għalhekk tixtieq li bħalma din il-marda ġegħlitha tifhem aħjar kemm mhijiex perċezzjoni li l-ħajja hija qasira, ħaddieħor jifhem bħalha mingħajr ma jkollu jgħaddi minn din it-tbatija. “M’għandekx tgħaddi minn marda biex titgħallem tħares lejn il-ħajja minn għajn pożittiva u tapprezaha, għandek titgħallem mit-tbatija ta’ ħaddieħor. Ibqa’ għaddej bil-ħajja u wettaq il-ħolm tiegħek.”
Fil-fatt, Antonella ddeċidiet li l-ħolma tagħha tinbidel f’realtà. Hekk kif il-gazzetta Kullħadd tista’ tizvela li din il-mara kuraġġuża se tkun qed tikteb ktieb li l-qligħ tiegħu se jmur għal Puttinu biex l-għajnuna tagħha tkompli tagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawk li llum saru ħbieb tagħha u li għadhom qed jiġġieldu din il-battalja. Ktieb li fil-linji tiegħu jispjega l-esperjenza tagħha u jwassal messaġġ. Messaġġ li Antonella xtaqet ukoll twassal fil-linji ta’ dan l-artiklu.
“Meta tieħu aħbar ħażina, żomm saqajk mal-art u fittex l-għajnuna. M’hemm ebda raġuni għala għandek taqta’ qalbek u iva, il-kuraġġ nofs il-fejqan.” – Antonella Rogers