Fiż-żona Ta’ Ramija, fis-Siġġiewi, spazju bla ħajja u mhux utilizzat inbidel fi spazju miftuħ u aħdar għall-familji Siġġiwin.
B’ħidma mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u b’investiment ta’ aktar minn €250,000, ir-riġenerazzjoni totali ta’ din iż-żona rat it-tħawwil ta’ 14-il siġra, 242 arbuxell u 2,100 pjanta ġdida fuq madwar tomna art.
Saru wkoll xogħlijiet fuq sistemi ġodda ta’ irrigazzjoni, sigurtà u dawl, flimkien ma’ għamara ġdida għal barra u xogħlijiet estensivi ta’ landscaping.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, akkumpunjat mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sindku tal-lokal, Julian Borg, spjega li dan il-proġett mhux biss sbuħija fiċ-ċentru tas-Siġġiewi, iżda simbolu tal-impenn tal-Gvern li jippromwovi aktar spazji għall-benefiċċju tar-residenti.
“Din iż-żona Ta’ Ramija fis-Siġġiewi nbidlet minn spazju li kien moħli mingħajr ħajja għal spazju vibranti fejn it-tfal u l-anzjani u l-familji tagħna jistgħu jinġabru hawnhekk f’dan l-ispazju miftuħ fl-urban fil-qalba tal-komunità. Din hi l-viżjoni tagħna, bħala Gvern, li nkomplu nwettqu dawn il-proġetti, inkomplu nwasslu l-viżjoni ta’ dan il-Gvern fejn jidħlu l-proġetti fl-urban biex il-familji Maltin u Għawdxin igawdu minn dawn l-ispazji li qegħdin noħolqu flimkien.”
Omar Farrugia , Segretarju Parlamentari
Is-Sindku Julian Borg saħaq dwar l-importanza ta’ dan l-ispazju ġdid mhux biss għar-residenti, li joqogħdu fiż-żona, iżda għas-Siġġiwin kollha, waqt li rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari u l-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.