Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal għandu ftehim ma’ sitt organizzazzjonijiet mhux governattivi, li jagħtu kenn lil persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom, u s-sena li għaddiet biss investa fihom aktar minn miljun u sitt mitt elf ewro.
Dawn huma l-YMCA, il-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, il-Fondazzjoni Kenn u Tama, is-Sależjani ta’ Don Bosco, il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl u l-Fondazzjoni Dar il-Hena, li qed jamministraw 12-il xelter għal persuni f’tali ċirkostanzi, waqt li jgħinuhom jerġgħu jqumu fuq saqajhom u jsiru indipendenti.
L-informazzjoni toħroġ minn tweġibiet fil-Parlament tal-Ministru responsabbli Michael Falzon għal mistoqsijiet tad-Deputata Graziella Galea fl-aħħar jiem.
Is-servizzi jinkludu dawk ta’ emerġenza għal rġiel u nisa li, għal xi raġuni partikolari jiġu bla dar u persuni li joħorġu mill-ħabs.