Bħal-lum 30 sena, disgħa ħaddiema tat-Tarzna kienu inqatlu traġikament fi splużjoni abbord it-tanker Libjan Um El-Faroud li kienu qegħdin jaħdmu fuqu fit-Tarzna.
It-tanker mibni fir-Renju Unit fl-1969 kien qiegħed Malta għal xogħol estensiv ta’ tiswija hekk kif għal diversi snin kien iġorr iż-żejt għall-kumpanija Libjana General National Transport.
Sittax-il membru tal-ekwipaġġ kienu jinsabu fil-kwartieri tal- akkomodazzjoni tal-vapur f’Baċir Numru 3 meta fit-3 ta’ Frar 1995 fl-10:15 ta’ filgħaxija splużjoni regħdet l-inħawi.
Sebgħa mill-ħaddiema Maltin, George Aquilina ta’ 24 sena minn Ħal Qormi, Charles Callus ta’ 46 sena mill-Belt, Mario Hales ta’ 39 sena mill-Imqabba, Simon Mifsud ta’ 26 sena mill-Birgu, Simon Pisani ta’ 22 sena mill-Imsida, Angelo Sciberras ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar u Anthony Vasallo ta’ 29 sena minn Ħad-Dingli, mietu mill-ewwel fuq il-post filwaqt li tnejn oħra, Paul Seguna ta’ 37 sena minn Ħaż-Żebbuġ u George Xuereb ta’ 58 sena minn Ħal Qormi, mietu aktar tard fl-Isptar San Luqa kawża tal-ġrieħi estensivi li ġarrbu
Fl-1998, il-vapur kien ġie mgħerreq ’l barra minn Wied Iż-Żurrieq sabiex jintuża bħala attrazzjoni għal bugħaddasa. Miegħu hemm imwaħħla plakka tar-ramm b’memorja tad-disgħa ħaddiema li tilfu ħajjithom.