L-iskola sekondarja tal-Imrieħel fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża reġgħet ħarġet bl-unuri għat-tieni sena konsekuttiva meta rebħet kwiżż nazzjonali li ġie organizzat fl-okkazjoni tal-jum dinji tal-ilma mill-HSBC u l-kampanja Catch the Drop bl-appoġġ tad-Dipartimenttal-Kurrikulu u d-Dipartiment tal-eLearning fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Tim ta’ ħames studenti tat-tielet sena fl-iskola tal-Imrieħel, li tagħmel parti mill-Kulleġġ Santa Tereża, ħa sehem fi kwiżż flimkien ma’ erbgħa u għoxrin skola oħra indipendenti, tal-knisja u tal-istat. L-istudenti li kienu preparati minn Denise Mizzi, għalliema tal-Ġeografija fl-istess skola, rnexxilhom iwieġbu tajjeb għad-domandi kollha tal-kwiżż.
Riżultat ta’ dan, l-iskola se tingħata elfejn ewro oħra biex toħloq proġett b’rabta mal-konservazzjoni tal-ilma. Bil-flus li ntrebħu mill-kwiżż tas-sena l-oħra l-iskola qasmet mijiet ta’ fliexken tal-ilma biex dawn jintużaw flok fliexken tal-plastik li jintremew.
Apparti li din l-inizjattiva tgħin biex tonqos il-ħela tal-ilma (għax jintużaw kwantitajiet kbar ta’ ilma waqt il-produzzjoni tal-istess plastik), jonqos ukoll l-iskart. Dan kien bħala parti minn proġett li l-flus allokati għalih intrebħu mill-istess skola fil-kwiżż tas-sena l-oħra.
L-iskola tal-Imrieħel hija ferm marbuta mal-ħażna tal-ilma hekk kif hija l-unika skola li minnha jgħaddi l-Akwedott mibni mill-Granmastru Alof de Wignacourt.